OLANDA …………………… 0
COSTA RICA …………….. 0
(Olanda 4-3 bil-penalties)
Olanda > Cillessen (Krul 120′), Kuyt, Vlaar, De Vrij, Martins Indi (Huntelaar 105′), Depay (Lens 76′), Blind, Wijnaldum, Sneijder, Robben, Van Persie.
Costa Rica > Navas, Gonzalez, Umana, Acosta, Diaz, Gamboa (Myrie 77′), Borges, Bolanos, Tejeda (Cubero 97′), Campbell (Urena 66′), Ruiz.
Imwissija > Diaz, Umana, Martins Indi, Gonzalez, Acosta, Huntelaar,
Referee > Ravshan Irmatov (UZB)
Wara assedju ta’ 120 minuta u tliet lasti milquta l-Olanda kellhom bżonn l-għoti tal-penalties biex itemmu l-ħolma ta’ Costa Rica. Il-kowċ Olandiż daħħal lis-sostitut goalkeeper Krul eżatt qabel ingħataw il-penalties u din il-mossa ħalliet il-frott għaliex Krul salva żewġ penalties biex l-Olanda għall-ewwel darba fl-istorja tat-Tazza tad-Dinja għaddiet wara l-għoti tal-penalties.
Bidu mill-iktar kwiet tal-logħba fejn minkejja pussess ta’ ballun viċin is-70 fil-mija favur l-Olanda, l-azzjonijiet fl-attakk kienu ineżistenti. Kien biss wara 21 minuta li l-Olanda kellhom l-ewwel tentattiv meta Robben beda l-azzjoni u qassam lejn Kuyt li żmarka lil Van Persie li waħdu quddiem navar kien imċaħħad mill-goalkeeper ta’ Costa Rica, u mir-rebound Navas reġa’ kien attent u salva x-xutt ta’ Sneijder.
Fis-26 minuta Navas għal darb’oħra jsalva lil Costa Rica meta salva b’siequ xutt angolat ta’ Depay, u għaxar minuti wara titjira spettakolari ta’ Navas biex salva freekick ta’ Sneijder. Erba’ minuti mill-intervall azzjoni ta’ Robben lejn Van Perise iżda Navas waqqaf l-azzjoni b’ħarġa kuraġġuża.
Fit-tieni taqsima l-logħba kienet iktar kwieta u mingħajr azzjonijiet. Costa Rica kellhom freekick ta’ Gamboa jmur għoli mas-siegħa logħob. Ftit wara minn freekick ta’ Bolanos, daħal tajjeb bir-ras Gonzales li xeħet barra.
L-isbaħ ċans tal-logħba wasal disa’ minuti mit-tmiem meta freekick ta’ Sneijder għeleb lil Navas iżda l-ballun stampa mal-wieqfa. Minuta wara Navas brillanti fuq xutt bomba ta’ Van Persie. L-attakki Olandiżi saru iktar persistenti u Van Persie falla ċans inkredibbli ta’ skor minn quddiem il-lasta minuta mit-tmiem. Fil-ħin miżjud Olanda sfortunati meta xutt ta’ Van Persie kien salvat minn fuq il-linja minn Tejeda bil-ballun jispiċċa mal-mimduda.
Fil-ħin barrani l-Olandiżi komplew bl-assedju u Navas salva fuq Vlaar fl-ewwel taqsima. Fl-aħħar minuti tal-logħba Costa Rica rebħu l-ewwel korner tagħhom wara 115-il minuta u ftit wara għal ftit ma skorjawx il-gowl rebbieħ b’azzjoni ta’ Urena u save brillanti ta’ Cillessen. Fil-118 minuta Sneijder jolqot it-tielet lasta għall-Olanda biex il-logħba marret għal penalties.
Fil-penalties il-mossa ta’ Van Gaal li daħħal lil Krul eżatt fil-120 minuta għall-għoti tal-penalties ħalliet il-frott għaliex Krul salva żewġ penalties ta’ Ruiz u Umana biex l-Olanda għaddew ma’ l-ewwel erbgħa. Għall-Olanda skorjaw mill-11-il metru Van Persie, Robben, Sneijder, u Kuyt.
//= $special ?>

