Il-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żabbar, b’maġġoranza Laburista, jinsab fix-xifer li jxolji minħabba ġlied intern bejn il-kunsillieri Laburisti u s-Sindku Quinton Scerri. Il-kwistjoni qed tkun investigata mill-Bord tal-Governanza Lokali, li wkoll qed iħares lejn allegazzjonijiet li jinvolvu l-fondi, kif ukoll il-fatt li l-Kunsill ilu ma jiltaqa’ minn Frar.
Fil-fatt l-aħħar sett ta’ minuti fuq is-sit tad-Dipartiment tal-Gvern Lokali jmorru lura għall-11 ta’ Frar meta l-kunsill approva numru ta’ ħlasijiet. Kien hemm laqgħa fit-12 ta’ Marzu meta l-minuti tal-laqgħa ta’ qabel kienu approvati, iżda minuti ta’ din il-laqgħa ma jeżistux.
Peress li l-Kunsill Laburista ta’ Ħaż-Żabbar mhux qed jiffunzjona, it-tenders tal-kunsill ma ġewx imġedda u l-kuntratturi mhux qed jitġallsu gġas-servizzi tagħhom.
Jidher li l-kunsill ipprova jiltaqa’, mill-inqas, sitt darbiet minn Frar ta’ din is-sena, iżda dawn ma sarux minħabba li ma kienx hemm kworum. Dan għax grupp ta’ kunsillieri Laburisti – li ma jaqblux mal-mod kif is-Sindku Quinton Scerri qed imexxi l-kunsill – kienu qed jirrifjutaw li jattendu.
Il-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żabbar għandu tliet kunsillieri Nazzjonalisti u tmien kunsillieri li jirrapreżentaw lill-Partit Laburista. Hemm kunsillier wieħed biss li qed jappoġġja lil Quinton Scerri, u ħamsa qed jirrifjutaw li jattendu l-laqgħat tal-kunsill jekk Scerri jibqa’ Sindku.
Immexxi mill-Avukat Joe Mifsud u minn Ronnie Pellegrini, bħala wieħed mill-membri, il-Bord kien qed jinvestiga numru ta’ allegazzjonijiet, fosthom, li ma kien hemm ebda rekord ta’ dħul u nfieq għall-inizjattiva tal-kunsill li jidħol fil-Guinness Book of Records għall-itwal mejda tal-ikel – avveniment li seħħ f’Lulju tas-sena li għaddiet fi Triq is-Santwarju. Iżda l-kunsillieri staqsew dwar kemm intefqu flus fuq din l-inizjattiva u d-dħul li kien ġenerat minnha.
Il-problemi tal-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żabbar kienu riferuti lid-Deputat Mexxej Laburista Toni Abela u anki lill-Prim Ministru Joseph Muscat. Saħansitra kienu organizzati laqgħat biex ikunu solvuti d-differenzi bejn il-kunsillieri u s-Sindku. Iżda l-attentati kollha li saru sfumaw fix-xejn.
Il-Prim Ministru wiegħed lu jneħħi lil Quinton Scerri minn Sindku, iżda dan qatt ma sar. Il-kunsillieri kienu ordnati mill-amministrazzjoni tal-Partit Laburista biex ma jagħtux vot ta’ sfiduċja kontra Quinton Scerri, u min-naħa l-oħra s-Sindku kien ordnat biex ma jipproċedix kontra l-kunsillieri talli naqsu milli jattendu l-laqgħat tal-kunsill.
Il-Partit Laburista issa qed jistenna d-deċiżjoni mill-Bord tal-Governanza Lokali, li probabbilment se twassal għax-xoljiment tal-kunsill u elezzjoni bikrija.
//= $special ?>