Għawdex Lokali

Il-Magazin Let’s Gozo jieqaf jiġi ppubblikat wara li l-ministeru jieqaf jgħati l-għajnuna

Issa kkonfermata. L-aħbar li żvela dan is-sit ix-xahar li għadda. Jiġifieri l-magazin Let’s Gozo – magazin kollu kemm hu ffukat fuq l-istil tal-ħajja, il-kultura, l-istorja u l-ġmiel tal-gżira ta’ Għawdex – ma baqax jiġi ppubblikat wara li l-Ministeru għal Għawdex ma baqax jagħti l-għajnuna finanzjarja tiegħu biex jiġi ppubblikat dan il-magazin li kien jippromwovi lill-Għawdex.

Dan ħareġ minn tweġiba li ta l-Ministru għal Għawdex Anton Refalo għal mistoqsija parlamentari li għamel id-Deputat Nazzjonalista Chris Said.

Meta Chris Said staqsa jekk l-għajnuna finanzjarja li kien jagħti l-Ministeru għal Għawdex biex ikun ippubblikat dan il-magazin baqgħetx tingħata matul l-aħħar sena, il-Ministru għal Għawdex għażel li jgħid li ma għandu xejn xi jżid – risposta li tikkonferma li dan il-magazin ma baqax jiġi ppubblikat wara li l-Ministeru għal Għawdex ma baqax jagħti l-appoġġ finanzjarju tiegħu.

Il-magazin Let’s Gozo kien jitqassam mas-Sunday Times u seta’ jinqara minn kważi 40,000 persuna.

L-ahhar edizzjoni tiegħu kienet ippubblikata f’April 2013 – tant li anke fuq is-sit elettroniku ta’ dan il-magazin għadha tidher il-ħarġa ta’ April tas-sena li għaddiet.

Il-magazin kien jiġi ppubblikat grazzi għall-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu f’Għawdex, il-GTA, li kellha arranġament mal-Ministeru għal Għawdex biex jinħareġ kull tliet xhur.

Iżda issa kollox jindika li dan l-arranġement sfaxxa wara li l-Ministeru għal Għawdex għażel li ma jibqax jagħti l-għajnuna finanzjarja tiegħu biex ikun ippubblikat dan il-magazin – deċiżjoni li wasslet biex dan il-magazin, li kien vetrina għal dak kollu li għandha x’toffri l-gżira tat-tliet għoljiet, ma jibqax jiġi ppubblikat.