Edukazzjoni Lokali

Ir-riżenja ta’ Mario Azzopardi mid-Dipartiment tal-Edukazzjoni tqajjem rebus sħiħ

Id-deċiżjoni li ħa dak li issa huwa l-eks Direttur tal-Lifelong Learning fil-Ministeru tal-Edukazzjoni, Mario Azzopardi, li jirriżenja mill-kariga wara li ma kienx ġie kkonsultat dwar id-deċiżjoni li l-Gvern ibiddel l-Iskola tal-Arti f’Għawdex f’Kulleġġ tal-MCAST, wasslet għal ħafna taħwid fid-Dipartiment tal-Edukazzjoni, tant li bosta impjegati f’dan id-dipartiment qed jilmentaw li ma jafux x’inhu jiġri u min verament qed imexxi.

Wara r-riżenja ta’ Mario Azzopardi, li mar jaħdem fil-Ministeru tal-Kultura, inħarġet sejħa biex persuna teħodlu postu bħala Direttur tal-Life Long Learning. Din is-sejħa nħarġet mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru, iżda jidher li l-Ministeru tal-Edukazzjoni għandu pjan ieħor għal dan ir-rwol. Fil-fatt, fil-bini tal-Ministeru fil-Furjana qed tikber ix-xniegħa li din is-sejħa jew se tiġi rtirata jew inkella l-kariga taqa’ darba għal dejjem. Is-sorsi tagħna qalulna li s-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Edukazzjoni Joseph Caruana rrabja mhux ftit meta ra li kienet inħarġet is-sejħa mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Qabel irriżenja Mario Azzopardi, l-Life Long Learning kienet tinkludi kemm it-tagħlim għall-adulti kif ukoll il-boroż ta’ studju. Issa jidher li l-boroż ta’ studju marru taħt ir-responsabbiltà tad-Direttur għall-Implimentazzjoni tal-Programmi Joseph Schembri, waqt Mario Cardona, d-Direttur tal-Early School Leavers, qed imexxi t-taħriġ għall-adulti.

Mhux magħruf lanqas jekk id-Direttur Ġenerali George Borg kienx involut f’dawn id-deċiżjonijiet, kif ukoll fid-deċiżjoni li l-Iskola tal-Arti f’Għawdex tinbidel f’Kampus tal-MCAST.

Fl-aħħar jiem, wara li tefa’ r-riżenja tiegħu, Mario Azzopardi bagħat ittra lill-ħaddiema li jaqgħu taħtu li fiha għamel rendikont tal-akkwisti kollha li għamel id-Direttorat taħt it-tmexxija tiegħu. F’din l-ittra, Mario Azzopardi rringrazzja lil kull min ħadem miegħu fi 30 sena fis-settur edukattiv, iżda b’mod speċjali fl-aħħar 6 snin fid-Direttorat tal-Life Long Learning.