Ikompli joħroġ fil-beraħ kemm l-iskop veru tal-iskema Greener and Cleaner Gozo li l-Gvern Laburista waqqaf f’Għawdex hu li l-Ministeru għal Għawdex jaqdi lil tal-qalba. Anke jekk qed jagħmel dan b’kundizzjonijiet li issa hu konfermat li jqarrbu sew lil dawk tal-prekarjat.
L-iskop tal-iskema Sebbaħ u Ħaddar suppost kien li jingħata taħriġ lil dawk li qed ifittxu xogħol, u jinsabu fuq ir-reġistru tal-qgħad. Bi skema li meta nħolqot b’rispons għall-problema dejjem tikber tal-qgħad f’Għawdex, fakkret lil ħafna fil-Korpi, li kienu s-soluzzjoni fi żmien Gvernijiet Laburisti tal-passat biex joħolqu l-impjiegi.
Imma mill-informazzjoni li kien kiseb dan l-istazzjon, kien irriżulta li fil-verita’ din l-iskema, suppost intiża wkoll biex tikkontribwixxi għal ambjent aħjar f’Għawdex, kienet qed isservi biex mill-Ministeru għal Għawdex iwegħdu lill-ħaddiema li qed jirreġistraw, u li applikaw għaliha, li eventwalment huma se jsiru tal-post. U jibqgħu mal-Gvern b’impjieg sikur wara li tintemm l-iskema.
Imma issa sar magħruf li l-iskema għandha dati fissi, u filwaqt li fetħet f’Mejju li għadda, se tibqa’ fis-seħħ biss sal-20 ta’ Settembru.
Jiġifieri wara madwar ħames xhur fl-iskema, dawk li ħadu sehem fiha jerġgħu lura fejn kienu…fi kliem ieħor ifittxu x-xogħol, u fuq ir-reġistru tal-qgħad. Filwaqt li l-Ministru Anton Refalo ma weġibx mistoqsijiet li konna bagħtnielu dwar dan, u ma weġibx lanqas mistoqsija parlamentari li saritlu mid-Deputat Nazzjonalista Chris Said fil-jiem li għaddew, kellu jkun il-Ministru Evarist Bartolo, li hu u jwieġeb mistoqsija parlamentari oħra tal-istess Chris Said jikxef li l-iskema għandha perjodu ta’ 20 ġimgħa – mill-5 ta’ Mejju sal-20 ta’ Settembru.
Fil-PQ li għamel lill-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, Chris Said staqsa jekk dawn il-persuni ngħatawx kuntratt u jekk iva…għal kemm żmien huwa dan il-kuntratt. Jekk tneħħewx mir-reġistru tal-qgħad sakemm ikunu f’din l-iskema. U kemm hu l-ħlas fil-ġimgħa li qed jieħdu.
Bil-Ministru Bartolo jikkonferma li l-parteċipanti, b’kollox 166, kienu nfurmati li l-iskema tiskadi fl-aħħar ta’ Settembru. U ntalbu jiffirmaw dikjarazzjoni li qed jipparteċipaw fl-iskema b’mod volontarju. Waqt li setgħu jagħżlu bejn 20 siegħa fil-ġimgħa u jitħallsu 75 ewro, jew inkella 40 siegħa – għall-ħlas ta’ 145 ewro.
Dan ifisser li jitħallsu €3.75 fis-siegha jekk jaħdmu 20 siegħa, jew €3.62, jiġifieri ftit inqas, jekk jaħdmu erbghin. Dan meta l-paga minima f’Malta hija €4.14 is-siegħa. B’hekk, huwa konfermat li ġew ingaġġati b’inqas mill-Minimum Wage…kundizzjonijiet li faċilment jistgħu jiġu deskritti bħala simili għal dawk tax-xogħol prekarju. Bartolo qal ukoll li minn fost il-parteċipanti l-aktar persuna li ilha tirreġistra tmur lura 22 sena, mill-1992.
//= $special ?>