Kultura Lokali

Jitħabbar il-programm tal-Malta Arts Festival 2014

Fil-Forti Sant Anġlu, dalgħodu tħabbar il-programm tad-disa’ edizzjoni tal-Malta Arts Festival li se jsir bejn l-14 ta’ Lulju u t-2 ta’ Awwissu.

Il-festival organizzat mill-Kunsill Malti għall-Arti se jinkludi 18-il-produzzjoni artistika u kulturali kif ukoll programm ta’ workshops u master classes. Il-festival jinkludi wkoll is-sehem ta’ artisti barranin li din is-sena se jinkludu artisti mir-Renju Unit, Spanja, l-Olanda, ir-Repubblika Ċeka, l-Afrika t’Isfel, u r-Russja.

Dawn se jingħaqdu ma’ artisti Maltin biex itellgħu programm varjat ta’ produzzjonijiet ta’ żfin, teatru u kunċerti kif ukoll film festival, f’siti prominenti marbuta mal-istorja u l-kultura fosthom Pjazza Teatru Rjal, il-Kavalier ta’ San Ġakbu, Forti Sant Iermu, Robert Sammut Hall, iċ-Ċentru tal-Mediterran għall-Konferenzi u l-Berġa ta’ Kastilja.

Il-programm joffri wkoll opportunita’ għal artisti żgħar biex jiżviluppaw it-talent tagħhom waqt programm organizzat b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb li jinkludi wirjiet mużikali kif ukoll qari ta’ poeżija u letteratura.

Il-Malta Arts Festival jiġi fi tmiemu fit-tnejn ta’ Awwissu b’kunċert mill-Orkestra Filarmonika Nazzjonali mmexxija mis-Surmast Brian Schembri fiċ-Ċentru tal-Mediterran għall-Konferenzi fil-belt Valletta. Dan il-kunċert se jinkludi silta li se tfakkar il-50 sena anniversarju ta’ Malta Indipendenti.

Id-dettalji dwar il-programm tħabbru mid-Direttur Artistiku, Reuben Zahra li ddeskriva l-programm bħala wieħed varjat li jgħaqqad it-talent Malti u barrani filwaqt li ċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti Albert Marshall appella biex fl-attivitajiet artistiċi ta’ pajjiżna jkun hemm koperazzjoni bejn id-diretturi artistiċi ħalli dan is-settur jkompli jikber u jissaħħaħ.

Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, Owen Bonnici qal li l-Malta Arts Festival qed iservi biex aktar nies jersqu lejn attivitajiet kulturali.

Wara l-konferenza, ttellgħu siltiet mill-Kappillan ta’ Malta li hija waħda mill-produzzjonijiet teatrali fil-programm tal-Malta Arts Festival ta’ din is-sena.