Lokali

L-aħħar siegħat tal-Maratona ta’ Volleyball b’risq Id-Dar tal-Providenza

Dalwaqt jinżel is-siparju fuq il-Maratona ta’ 53 siegħa ta’ logħob kontinwu ta’ Volleyball b’risq Id-Dar tal-Providenza.

Meta għad baqa’ ftit sigħat biex il-festa ta’ solidarjeta’ tintemm, il-pubbliku kkonkorra bi ħġaru biex ikkontribwixxa permezz ta’ fondi għal din l-istituzzjoni li taħdem qatigħ għal persuni bi bżonnijiet speċjali.

Il-Viċi Kap tal-PN Beppe Fenech Adami u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għaż-Żgħażagħ u l-Isport Robert Cutajar, żaru l-maratona u ltaqgħu mal-parteċipanti u mal-voluntieri.

Il-maratona bdiet nhar il-Ġimgħa meta kienet inawgurata mill-President ta’ Malta, u tintemm illejla għall-ħabta ta’ nofs il-lejl.

Matul dawn is-sigħat kollha, il-logħba tal-volleyball baqgħet għaddejja bla waqfien fil-parkeġġ tad-Dar. Għexieren ta’ plejers, li wħud minnhom kienu ħadu sehem f’edizzjonijiet tal-passat ta’ din il-maratona, offrew il-ħin tagħhom biex għenu f’din l-inizjattiva, minkejja t-temp sħun tas-sajf.

Għal din il-maratona, ħadu sehem ukoll diversi kantanti magħrufa li pprovdew divertiment lil min ta d-donazzjoni tiegħu u fl-istess ħin ta appoġġ lill-plejers tal-volleyball. Id-Dar tal-Providenza toffri residenza, f’ambjent ta’ familja, lil diversi persuni b’diżabbiltà b’rispett sħiħ lejn id-dirittijiet u d-dinjità tagħhom.

Minbarra t-tliet residenzi fil-kumpless kollu fis-Siġġiewi, id-Dar tal-Providenza tipprovdi s-servizzi tagħha f’Dar Żerniq fil-komunità tas-Siġġiewi, u f’Dar l-Akwarell, fil-Qawra kif ukoll f’Dar Pirotta li hi dar fil-komunità ta’ Birkirkara

B’kollox f’dawn id-djar jgħixu 105 residenti, bl-iżgħar wieħed għandu sentejn u l-ixjeh jgħodd 82 sena.