Lokali

Clifton Borg: mill-Uffiċċju tal-Customer Care tal-PL għal Chief Officer tat-TM

Fl-aħħar jiem, Transport Malta (TM) impjegat lil Clifton Borg bħala Chief Officer. Dan ġie mpjegat mingħajr ebda sejħa, la interna u wisq aktar esterna. MaltaRightNow.com jista’ jiżvela li Borg beda jaħdem ma’ TM fl-aħħar jiem u se jkun inkarigat minn proġetti speċjali li jkun qed jieħu ħsiebhom il-Kap Eżekuttiv ta’ TM James Piscopo.

Clifton Borg se jkun qed jieħu ħsieb ukoll il-marketing, il-customer care u l-amministrazzjoni ta’ TM. Is-sorsi li tkellmu magħna qalu li din il-pożizzjoni hi sensittiva ħafna, b’mod speċjali għax Clifton Borg se jkun qed jaħdem ma’ numru kbir ta’ mpjegati tal-awtorità. L-informazzjoni li għandna tgħid ukoll li qabel ingħata din il-kariga, mingħajr ebda sejħa fi TM, Clifton Borg kien involut fl-Uffiċċju tal-Customer Care tal-Partit Laburista.

Bosta mpjegati ta’ TM kienu urtati għall-fatt li f’daqqa waħda sabu lil Borg ma’ wiċċhom meta m’għandu l-ebda esperjenza fis-settur tat-trasport f’pajjiżna. F’daqqa waħda, dan spiċċa jtihom l-ordnijiet ta’ x’għandhom u x’ma għandhom jagħmlu. Din il-ħatra tiżdied ma’ numru oħrajn li fl-aħar xhur ingħataw fi TM. Dan hekk kif TM kienet waħda mill-awtoritajiet tal-Gvern li fihom ingħataw numru ta’ ħatriet kontroversjali, ħafna minnhom lil persuni li huma eks Uffiċjali tal-PL jew ħadmu mill-qrib mal-PL sa qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali.