L-iskop tal-Presidenza Taljana tal-Unjoni Ewropea se jkun li tattwa politika li tagħti direzzjoni ġdida lill-UE quddiem l-isfidi li l-Unjoni qed tiffaċċja bħalissa, fosthom il-vot qawwi lill-ewroxettiċi fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew ta’ Mejju li għadda.
F’diskussjoni organizzata mill-MEUSAC fl-Università l-Qadima fil-Belt, l-Ambaxxatur Taljan għal Malta Giovanni Umberto De Vito u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin George Vella tkellmu dwar dak li l-UE tistenna mill-Presidenza Taljana fit-tisħiħ tal-koperazzjoni bejn l-Istati Membri, kif ukoll fil-ftuħ ta’ diversi relazzjonijiet ma’ pajjiżi oħra barra l-UE.
L-Ambaxxatur Taljan, li pajjiżu ħa l-Presidenza f’idejh għas-sitt xhur li ġejjin fil-bidu ta’ dan ix-xahar, spjega l-prijoritajiet tal-Presidenza Taljana, li se tkun ibbażata fuq l-impjiegi, it-tisħiħ tad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll ir-rwol globali tal-UE. L-Italja se tkun qed issaħħaħ il-kompetittività, ittejjeb ir-relazzjonijiet ekonomiċi bejn il-pajjiżi membri u twettaq inizjattivi ta’ xogħol għaż-żgħażagħ. Dan filwaqt li ssaħħaħ il-kunċetti tal-libertà u d-demokrazija.
L-Ambaxxatur Taljan semma’ wkoll diversi prijoritajiet oħrajn li l-Presidenza Taljana tal-UE se tkun qed tiffoka fuqhom, fosthom il-kontroll tal-fruntieri, ħidma effettiva tal-istituzzjonijiet Ewropej u politika Ewropea dwar l-ażil u l-immigrazzjoni. F’dak li għandu x’jaqsam mal-politika barranija tal-UE, il-Presidenza Taljana se tkun qed tindirizza diversi sfidi, fosthom dawk tar-reġjun tal-Mediterran, l-Afrika ta’ Fuq, il-Lvant Nofsani, il-Libja, is-Sirja u l-Ukrajna.
//= $special ?>