Futbol Sport

Imut il-leġġenda ta’ Real Madrid Alfredo Di Stefano

L-eks plejer leġġendarju ta’ Real Madrid Alfredo Di Stefano miet illum, ftit jiem wara li ddaħħal l-isptar minħabba attakk tal-qalb.

Di Stefano kien għadu kemm għalaq 88 sena ġimgħatejn ilu u nhar il-Ħadd ittieħed l-isptar ta’ Gregorio Maranon fil-belt ta’ Madrid. It-tobba kienu qalu li Di Stefano kien f’kundizzjoni stabbli imma reġa’ qaleb għall-agħar u tilef ħajtu.

Għal dawn l-aħħar snin Di Stefano kien ilu jsofri minn problemi f’qalbu u fl-2005 kienu anke ġie operat f’qalbu.

Di Stefano hu meqjus bħala l-aqwa plejer fl-istorja ta’ Real Madrid fejn magħhom dam jilgħab 11-il sena. Hu kien ingħaqad magħhom fl-1953. Fil-11-il sena li għamel jilgħab mat-tim tal-belt kapitali Spanjola Di Stefano skurja aktar minn 300 gowl u rebaħ il-kampjonat domestiku tmien darbiet u t-tazza taċ-Champions ħames darbiet. Di Stefano eks plejer Arġentin li twieled fil-belt ta’ Buenos-Aires lagħab anke ma’ Espanyol u bħala kowċ mexxa timijiet bħal ma huma Elche, Valencia u Rayo Vallecano. Sa mis-sena 2000 hu kien President onorarju ta’ Real Madrid.