Żgħażugħ ta’ 24 sena mis-Siġġiewi ġie kundannat 21 xahar ħabs wara li nstab ħati li seraq aluminju minn razzett u mar ibiegħu. Roderick Montesin instab ħati li fis-27 ta’ Marzu 2012, għall-ħabta tas-1.15 p.m. f’Ħal Safi, seraq aperturi tal-aluminju b’dannu għal Carmel Zammit.
Huwa instab ħati wkoll li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest imposti fuqu fis-26 ta’ Marzu 2010 mill-Maġistrat, illum Imħallef, Lawrence Quintano u fid-29 ta’ Frar 2012 mill-Maġistrat Antonio Micallef Trigona.
Montesin instab ħati wkoll li sar reċidiv wara li kiser diversi sentenzi tal-Qrati ta’ Malta u li kiser il-kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Maġistrat, illum Imħallef, Edwina Grima, fid-29 ta’ Novembru 2010.
Wara li sema x-xhieda kollha, il-Maġistrat Ian Farrugia għamilha ċara li huwa jemmen il-verżjoni tax-xhieda mressqa u mhux ta’ Montesin.
Huwa qal li Montesin reġa’ ħabat difru mal-ġustizzja u jidher li ftit li xejn fehem li l-opportunitajiet li ngħataw mill-Qrati kienu hemm għall-gwadan tiegħu u mhux biex jiġu abbużati.
“Bil-piena li ser tagħti din il-Qorti, irid jintbgħat messaġġ li min ikun żbalja kif żbalja Montesin, li jeħtieġ li jifhem li għamel ħażin u jrid jingħata piena xierqa ta’ għemilu bħala deterrent. Iżda l-istess piena trid isservi wkoll sabiex Montesin, kemm jista’ jkun malajr, jingħata l-opportunità li jindirizza ruħu fit-triq it-tajba.
Jekk Montesin għandu bżonn l-għajnuna u jitloba, il-Qorti qed tirrakkomanda lid-Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin biex jagħtih kull għajnuna possibbli għall-iskop ta’ rijabilitazzjoni, temm jgħid il-Maġistrat Farrugia. Għaldaqstant filwaqt li sabu ħati, bħala reċidiv, tas-serq sempliċi, ikkundannah għal 21 xahar ħabs.
//= $special ?>