Qorti

Disa’ xhur ħabs għal żewġ Rumeni wara ‘pick pocketing’

Żewġ żgħażagħ Rumeni kienu kkundannati disa’ xhur ħabs kull wieħed wara li ammettew serq permezz ta’ pick pocketing. Huma wettqu r-reat fil-Qawra, għall-ħabta tat-3am tal-Ħadd li għadda. Marius Emil Ciocan, ta’ 23 sena minn Bals, u Niculae Florica, ta’ 28 sena minn Bucharest, ammettew li wettqu dawn ir-reati waqt li kienu f’bar u serqu mobile iPhone 5 għad-dannu ta’ Diana Laura Clarke.

Min-naħa tiegħu, Emil Ciocan naqas li joqgħod għall-kundizzjonijiet imposti mill-Qorti tal-Maġistrati fit-2 ta’ Marzu 2012 u għalhekk sar reċidiv. L-Ispettur Godwin Scerri qal li l-problemi min-naħa ta’ diversi Rumeni hi kbira wisq, speċjalment fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar u Paceville. Għar-Rumeni dehret l-Avukat Marouska Debono.