Sentejn ilu seħħ każ li jimbarazza lil Malta meta l-Kummissarju Ewropew li ġej minn Malta, John Dalli, irriżenja wara allegazzjonijiet li hu jibqa’ jiċħadhom; każ qisu bħal siġra b’ħafna friegħi, kull fergħa bħal donnha separata, imma parti minn siġra sħiħa.
Il-ħafna friegħi tal-istess siġra
Hemm il-fergħa tal-battibekk dwar ir-rapport tal-Uffiċċju tal-Unjoni Ewropea Kontra l-Frodi, l-OLAF, li stħarreġ l-allegazzjonijiet.
Hemm il-fergħa tal-waqfien tal-prosekuzzjoni f’Malta meta l-Prim Ministru Joseph Muscat bidel il-Kummissarju tal-Pulizija u t-team investigattiv kollu.
Hemm il-fergħa tal-konklużjoni loġika li mbagħad ġibdu ħafna, fosthom il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, li biex waqaf il-każ sar indħil politiku.
Hemm il-fergħa tal-ġuri li l-Prim Ministru mbagħad ordna kontra Simon Busuttil għal dawn il-kummenti; ġuri f’qorti magħmula minn deputati tal-Prim Ministru stess.
U hemm il-fergħa tal-kawża li fetaħ l-eks-Kummissarju Ewropew John Dalli fil-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja dwar dik li qed jallega li hi tkeċċija inġusta. Din l-aħħar fergħa lbieraħ rajnieha tkun trattata taħt il-lentijiet tal-media Ewropea u dik Maltija.
L-għerq: laqgħat illeċiti u ammessi
Ix-xhieda tal-President tal-Kummissjoni Ewropea Josè Manuel Barroso fakkret fl-għerq ta’ kollox f’din is-siġra: laqgħat mal-industrija tat-tabakk Żvediża li kienet interessata ħafna fir-regolamenti li kienu qed jinbidlu; laqgħat li saru bogħod minn Brussell; laqgħat li saru bla ma ebda uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea kien preżenti; laqgħat li kienu rranġati minn xi ħadd qrib tal-eks-Kummissarju Ewropew.
Jew spjegazzjoni, jew riżenja, jew tkeċċija
Il-President tal-Kummissjoni Ewropea spjega kif hu kien qed jittama li għall-allegazzjonijiet li kien hemm fir-rapport tal-OLAF ikun hemm spjegazzjoni. Imma meta fil-fatt saret ammissjoni li dawk il-laqgħat veru saru, li veru saru ‘l bogħod minn Brussell, li veru ma kien hemm ħadd mill-Kummissjoni Ewropea fihom, li veru ma kinux laqgħat prudenti, allura kien hemm biss it-triq tar-riżenja jew tat-tkeċċija.
Responsabbiltà politika għal dak li mhux etiku
Għax il-Kummissjoni Ewropea qed targumenta li dak li ġara sentejn ilu hu każ, aktar minn xejn, ta’ responsabbiltà politika li trid tintrefa’ meta ssir xi ħaġa li ma tkunx etika u li titfa’ dell ikrah fuq l-istituzzjoni kollha, fuq il-Kummissjoni Ewropea.
It-test tal-liġi u t-test aqwa tas-sewwa
Għalkemm dan hu każ li jġib diqa f’kull min irid jara isem Malta stmat, hu okkażjoni biex nirriflettu fuq l-imġiba politika u kif għandna niġġudikawha. Għax il-politiku għandu testijiet aktar ibsin minn tal-bqija x’jgħaddi minnhom, mhux biss it-test tal-legalità, jekk dak li jagħmel hux skont il-liġi, imma wkoll u aktar, it-test tal-etika, jekk dak li jagħmel huwiex sewwa – l-għerq ta’ din is-siġra b’ħafna friegħi.