Edukazzjoni Lokali

Filmat: Evarist Bartolo jerġa’ jwaħħal fil-ħaddiema taċ-Ċivil għall-problemi fi Skola Sajf u Klabb 3-16

Il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo reġa’ waħħal fil-ħaddiema għan-nuqqas ta’ organizzazzjoni li wassal biex jiġi pospost b’ġimgħa l-ftuħ tal-iskema Skola Sajf u Klabb 3-16 għal din is-sena. L-istess iddikjara lbieraħ f’post li kiteb fuq Facebook wara li l-iskema ġiet posposta 12-il siegħa biss qabel ma t-tfal kellhom jibdew jattendu fl-iskejjel.

Skola Sajf għal din is-sena, li issa magħha hemm amalgamat ukoll Klabb 3-16, kellha tiftaħ il-bibien tagħha mill-bieraħ filgħodu. Madankollu, il-Gvern kellu jipposponi kollox b’ġimgħa minħabba diżastru sħiħ b’nuqqas ta’ riżorsi umani li l-Union tal-Għalliema (MUT) ddeskrivietu bħala fjask orkestrat mill-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi (FSE).

Minkejja li l-MUT stess qalet li kienet ilha għal aktar minn tliet ġimgħat twissi lill-Gvern u lill-Ministeru tal-Edukazzjoni bil-problemi li kien hemm, il-Ministru Evarist Bartolo baqa’ jitfa’ l-problema fuq il-ħaddiema tal-FSE, li hi responsabbli mill-iskema. Bartolo ta raġun lill-President tal-MUT Kevin Bonello, li kkritika n-nuqqas ta’ staff li kien ingaġġat mill-Gvern biex jieħu ħsieb lit-tfal waqt Skola Sajf u Klabb 3-16.

Il-Ministru qal li l-Gvern se jinvestiga għaliex kien hemm nuqqas ta’ tħejjija serja għal din l-iskema. Qal li l-FSE kellha żmien xahrejn biex tipprepara u dan, skont hu, hu żmien biżżejjed. Bartolo qal li diġà hi sfida kbira kif wieħed joffri servizz lil 10,800 tifel u tifla li applikaw għal Skola Sajf u Klabb 3-16, fejn ikunu meħtieġa madwar 700 adult bħala staff. Skont hu, l-akbar problema kienet meta madwar 200 minn dawk li kienu qalu li se jaħdmu, wara ma aċċettawx. Iżda issa jidher li b’xi mod instabu.

Dan ma kienx l-ewwel każ fejn Evarist Bartolo waħħal fil-ħaddiema taċ-Ċivil għal żbalji li għamel. Kien l-istess Bartolo li f’Ottubru waħħal fil-Bord tal-Istipendji dwar ittra li ntbagħtet lil xi studenti li kien se jinqatagħlhom l-istipendju. Dakinhar, il-Ministru Bartolo kien qal li l-ittra intbagħtet mingħajr l-approvazzjoni tiegħu u wkoll kien ordna investigazzjoni.