Ekonomija Lokali

Il-Ħamis li ġej tingħata bidu għall-ewwel edizzjoni tal-Fiera l-Kbira f’Monte Kristo Estates

Fil-jiem li ġejjin se tittella’ l-ewwel edizzjoni tal-Fiera l-Kbira, li se tinkludi 230 esebitur, żona ta’ parkeġġ li kapaċi tieħu sa 6,000 karozza, servizz ta’ park & ride, park għat-tfal u fuq kollox għażla ta’ prodotti differenti li hawn fis-suq. Il-Fiera l-Kbira se tittella’ f’Monte Kristo Estates bejn il-Ħamis li ġej u l-Ħadd, 20 ta’ Lulju.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret f’Monte Kristo Estates stess, tħabbar li l-flus mill-parkeġġ, li se jiswa €2 għal kull karozza, se jmorru kollha għall-Malta Community Chest Fund. Jieħdu ħsieb is-sistema tal-parkeġġ se jkun hemm ukoll numru ta’ voluntieri mill-Community Chest Fund stess. Il-Fiera l-Kbira se tkun organizzata minn EXPO Events bl-għan li terġa’ tingħata l-ħajja lill-Fiera kif kienet issir fil-passat.

Matul il-konferenza tal-aħbarijiet, intqal ukoll li flimkien mal-forzi tal-ordni, l-organizzaturi ħadu ħsieb li jsiru arranġamenti speċjali tat-traffiku ħalli ma tinħoloqx konġestjoni tat-traffiku għall-viżitaturi ta’ din l-attività fuq skala nazzjonali. Biex wieħed jidħol għal din il-Fiera se jkun hemm triq waħda, dik min-naħa ta’ Ħal Luqa minfejn l-Express Trailers, filwaqt li t-triq għal barra se tkun minn ta’ Kandja.

Min-naħa l-oħra, ir-Ring Road madwar Monte Kristo Estates se tintuża’ biss f’każi ta’ emerġenza. Tħabbar ukoll li kif il-parkeġġ jimtela’, se jintuża’ l-parkeġġ f’ta’ Kandja u se jkun hemm sistema ta’ Park & Ride għal min hu anzjan jew għal min ikollu tfal żgħar.

Il-Fiera se tkun miftuħa kuljum mis-6.30pm sal-11pm u kull biljett tad-dħul, li se jiswa €2.50 se jkun abbinat ma’ lotterija li l-premju tagħha hi karozza b’valur ta’ €17,000.