Fi stqarrija, l-Kunsill Studenti Universitarji, l-KSU, qal li jinsab inkwetat u mħasseb bis-sitwazzjoni kurrenti fejn l-istudenti Universitarji u dawk tal-Junior College qegħdin jintużaw bħal pedini taċ-ċess u qegħdin jiċċaħdu mill-frott tal-ħidma tagħhom u minn dak li hu bi dritt tagħhom jiġifieri r-riżultati tal-eżamijiet.
Dan fid-dawl tal-fatt li l-ġimgħa l-oħra l-lekċerers u l-għalliema tal-Universita’ u tal-Junior College taw bidu għal azzjonijiet industrijali wara li l-pakkett finanzjarju li offrielhom il-Gvern ġie deskritt bħala ċajta. Fost id-direttivi li ngħataw mill-Union tagħhom l-UMASA, kien hemm li ma jiġux ippubblikati r-riżultati tal-istudenti – ħlief dawk li jinsabu fl-aħħar sena.
Il-KSU qed jgħid li minħabba din is-sitwazzjoni, studenti li għandhom ippjanat biex imorru jistudjaw barra permezz tal-programm ERASMUS+ qed ikollhom problemi biex jimlew l-applikazzjonijiet, hemm l-istudenti li ma jafux jekk ġewx promossi għal sena oħra, f’każijiet ta’ re-sits jista’ ma jkunx hemm biżejjed żmien biex l-istudenti jippreparaw għalihom jew ma jkunx hemm biżejjed żmien għar-reviżjoni tal-karta.
Għalhekk il-KSU qed jitlob biex l-istudenti ma jibqgħux jiġu użati u ħeġġeġ lill-MUT, l-UMASA, lill-Universita’ kif wkoll lill-Gvern sabiex jinġabru madwar mejda biex isibu soluzzjoni
//= $special ?>