L-appoġġ tal-Parlament kollu favur emendi fil-Kodiċi Kriminali għandu jagħmilha ċara kemm is-soċjeta’ Maltija għandha tara li jkun hemm protezzjoni akbar favur l-anzjani.
Abbozz imressaq mis-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana kif ukoll l-appoġġ tal-Oppożizzjoni għall-abbozz jagħmluha ċara li s-soċjeta’ Maltija trid toffri protezzjoni lill-anzjani mill-abbuż, li ħafna drabi jiġi minn min għandu l-obbligu li joffri ħarsien.
Is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana ressqet għat-Tieni Qari l-abbozz ta’ liġi li jemenda l-Kodiċi Kriminali. L-abbozz jaħseb biex iwessa’ t-termini fil-liġi biex tingħata protezzjoni akbar lil persuni anzjani. Justyn Caruana qalet li fl-aħħar snin ġie nnutat li r-reati fuq l-anzjani żdiedu b’mod allarmanti. Il-Gvern irid li tingħata attenzjoni akbar fuq dawk l-anzjani li jiġu abbandunati fid-djar tal-anzjani tal-Gvern kif ukoll irid isaħħaħ il-liġi biex jilqa’ għall-mewġa ta’ reati fuq l-anzjani li qed dejjem tikber. Is-Segretarju Parlamentari qalet li r-reati jinkludu wkoll vjolenza domestika, fattur li qed jiżdied ukoll mhux biss ristretta għal vjolenza fiżika. L-abbozz jaħseb biex ikun hemm livelli differenti ta’ pieni skont l-eta’ tal-vittma b’pieni jiħraxu aktar jekk l-anzjan ikun ‘il fuq minn 70 sena.
Il-liġi qed iddaħħal ukoll responsabbilta’ akbar fuq min jieħu ħsieb l-anzjani. Se jitqies bħala reat jekk anzjani jiġu abbandunati, każi li ħafna drabi jiġru wara li l-anzjani bħala ġenituri jkunu kitbu l-wirt tagħhom favur uliedhom.
Id-Deputat Nazzjonalista Mario Galea qal li l-abbuż kontra l-anzjani hu realta’. Ikun hemm każi fejn l-abbuż ma jkunx rappurtat u mhux dejjem ikun faċli li dan il-fatt isir magħruf. Mario Galea ssuġġerixxa li l-infermiera u nies oħra professjonali li jkollhom kuntatt mal-anzjani fid-djar tagħhom ikunu mħarrġa biex jinnutaw fejn jista’ jkun hemm abbuż.
Id-Deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami qal li mhux ir-rapporti kollha ta’ abbuż kontra l-anzjani jispiċċaw fi proċeduri quddiem il-Qorti. Hu spjega li l-abbuż kontra l-anzjani jsir kemm fid-djar privati kif ukoll fi djar tal-anzjani. Beppe Fenech Adami ħeġġeġ biex titqajjem kuxjenza akbar favur il-ħarsien tal-anzjani.
Id-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar qal li dan l-abbozz qed ikompli ma inizjattivi oħra li saru mill-amministrazzjoni ta’ qabel biex l-abbuż kontra l-anzjani jkompli jkun trattat b’aċċenn akbar. Hu qal li kif sar f’pajjiżi oħra, jista’ jsir użu minn billboards f’toroq pubbliċi biex tinxtered kampanja favur il-ħarsien u r-rispett tal-anzjani.
Id-Deputat Nazzjonalista Stephen Spiteri qal li l-abbuż jista’ jiġi anke minn care workers jew persuni oħra li jkunu qed jagħtu servizz lill-anzjani. Wieħed jifhem li dan hu servizz ta’ dedikazzjoni u ħadd ma għandu joffri li jagħti dan is-servizz bi skop ieħor barra minn dak biex itejjeb il-ħajja tal-anzjan.
Huma diversi l-każi fejn l-anzjani jkunu kostretti jmorru fi djar tal-anzjani kontra l-volonta’ tagħhom. Għalhekk għandha ssir valutazzjoni xierqa meta jsiru talbiet biex anzjani jiddaħlu fi djar tal-anzjani.
//= $special ?>