Lokali Parlament

Il-Parlament il-ġdid fi stadju avvanzat

Il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Joe Mizzi, flimkien mal-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti, membri miż-żewġ naħat tal-Kamra fil-Kumitat dwar l-Affarijiet tax-Xogħol tal-Kamra u l-Iskrivan tal-Kamra, akkumpanjati miċ-Ċermen tal-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, illum żaru l-proġett tal-Parlament il-ġdid, li jinsab fi stadju avvanzat ta’ kostruzzjoni.

Skond stqarrija tal-gvern huwa mistenni li l-kuntratturi se jkunu qed jonoraw l-obbligi tagħhom li jlestu l-proġett fiż-żmien stipulat, biex il-Parlament jibda jiltaqa’ minn din il-binja wara l-vaganzi tas-Sajf. Il-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura fl-stqarrija assigura li ser jkun hemm monitoraġġ qawwi tax-xogħol li qed isir, kemm biex ma jsirux żbalji kif ukoll biex jassigura li x-xogħol ma’ jaqax lura.

L-istess stqarrija tgħid li hemm direzzjoni ċara min-naħa tal-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura li jiġu assigurati l-commitments li saru u jiġu amministrati b’tali mod li l-affarijiet isiru f’perjodu raġunevoli u rispettabbli b’mod li jiġi wkoll assigurat li l-ispiża ma tkomplix togħla ’l fuq.