Lokali Unjoni Ewropea

Aġġornata: Jintemm is-smigħ tal-kawża miftuħa minn John Dalli kontra Barroso fil-Qorti Ewropea

Fil-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, illum intemm is-smigħ mifrux fuq jumejn tal-kawża li l-eks Kummissarju Ewropew Malti John Dalli fetaħ kontra l-President tal-Kummissjoni Ewropea José Manuel Barroso. Il-każ jitratta r-riżenja tiegħu minn Kummissarju Ewropew sentejn ilu fl-eqqel ta’ skandlu dwar id-Direttiva tat-Tabakk.

Ir-riżenja waslet wara allegazzjonijiet serji li saru mill-Uffiċċju Ewropew kontra l-Frodi (OLAF) ta’ tixħim mill-kumpanija tas-sigaretti Swedish Match bħala parti minn pjan tal-industrija tat-tabakk li ddgħajjef kemm tista’ r-reviżjoni tar-regolamenti Ewropej tat-tabakk li kien qed jaħdem fuqha Dalli.

Fl-ewwel seduta, tal-bieraħ u li damet ħames sigħat, Barroso u Dalli ffaccjaw lil xulxin għall-ewwel darba quddiem ħames Imħallfin fl-Awla tal-Qorti fil-Lussemburgu. Kienet ukoll l-ewwel darba li President tal-Kummissjoni deher quddiem Qorti biex iwieġeb mistoqsijiet tal-Imħallfin.

Fit-tieni seduta, tal-lum u li bdiet fis-1.30pm, saru s-sottomissjonijiet finali mill-Avukati taż-żewġ naħat. Issa l-Qorti tibda tiddelibera dwar dak li semgħet f’dawn il-jumejn biex tagħti l-verdett tagħha bejn sitt u disa’ xhur oħra.

Fil-kawża, Dalli qed jitlob lill-Qorti tannulla t-talba ta’ Barroso biex hu jirriżenja mill-Kummissjoni u li jitħallas għad-danni li sofra, kemm finanzjarjament kif ukoll għar-reputazzjoni tiegħu. Il-kwistjoni kollha ddur mal-famuża laqgħa ta’ siegħa u nofs bejn Barroso u Dalli nhar is-16 ta’ Ottubru 2012.

Fix-xhieda tiegħu, Barroso kien ċar meta qal li dan il-każ hu wieħed ta’ riżenja volontarja minħabba r-responsabbiltà politika għal-laqgħat irregolari li Dalli stess ammetta li saru mijiet ta’ mili ‘l bogħod minn Brussell ma’ nies mill-industrija. F’dawn il-laqgħat illeċiti, li Barroso sejħilhom “bizarri” u li Dalli stess ammetta li kienu imprudenti, ma kien hemm ħadd aktar mill-Kummissjoni u dawn kienu rranġati minn sid ta’ bar u ristorant, li Dalli ammetta li kien jafu.

Min-naħa tiegħu, Dalli, li kien l-ewwel li tela’ jixhed, qal li Barroso ġiegħlu jirriżenja, ma tahx ċans u possibbiltà li jieħu parir legali u ċaħħdu mid-dritt li jifhem sew biex qed jiġi akkużat. Iżda Barroso wieġeb billi għamilha ċara li saru akkużi serji kontra Dalli dwar aġir mhux xieraq u kuntatti mal-lobby tat-tabakk li qatt ma kellhom isiru, kif ukoll li Dalli kien jaf bl-attentat biex jiġi influwenzat.

Fil-laqgħa bejniethom, spjega Barroso, John Dalli fl-ebda ħin ma rribatta l-akkużi tal-OLAF jew spjega għaliex iltaqa’ mar-rappreżentanti tal-industrija tat-tabakk. Kien Dalli li rriżenja minn jeddu biex ikun jista’ jiddefendi ruħu mill-akkużi gravi, anke jekk l-ewwel qabel li jiffirma l-ittra tar-riżenja li nqratlu fil-preżenza ta’ żewġ Uffiċjali Għolja oħra tal-Kummissjoni, umbagħad bidel il-ħsieb.

Politikament, John Dalli qatt ma seta’ jkompli bħala Kummissarju għax kienet issir ħsara rreparabbli lill-Unjoni Ewropea, qal Barroso, li fakkar kif skandlu simili fl-1999 kien wassal biex il-Kummissjoni kollha rriżenjat f’daqqa.