Għawdex Knisja Lokali

Ir-relikwa tad-driegħ ta’ San Ġorġ għall-ewwel darba f’Malta u Għawdex

Fl-okkażjoni tal-175 anniversarju ta’ l-istatwa ta’ San Ġorġ, xogħol l-iskultur Pietru Pawl Azzopardi liema statwa tinstab fil-bażilka ddedikata lill-istess qaddis fil-belt Victoria f’Għawdex, ser tkun qed tinġab apposta f’Malta u Għawdex għall-ewwel darba mill-Abbazija Benedittina ta’ San Giorgio Maggiore, fil-belt ta’ Venezja, l-Italja, ir-Relikwa Insinji tad-Driegħ ta’ San Ġorġ u dan wara talba li l-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech għamel lil Norberto Villa, Abbati ta’ Praglia u San Giorgio Maggiore.

Fl-1984 u l-2003, f’żewġ ċentinarji differenti iżda marbuta ma’ l-istess qaddis kienet inġabet minn Ruma ir-relikwa tal-qorriegħa tal-qaddis miżmuma fil-Bażilika Djakonali tal-Velabro. Din ta’ Venezja, wara eżami xjentifiku fuq diversi relikwi li sar fl-1978 fl-Istitut Antropoloġiku ta’ l-Università ta’ Bologna, hi wkoll meqjusa bħala waħda mill-ftit relikwi awtentiċi u prestiġjużi tal-qaddis martri tar-raba’ seklu b’kult mifrux qatigħ.

Din ir-relikwa, fejn mad-driegħ tal-qaddis għadhom jidhru wkoll il-pala ta’ l-id ix-xellugija u s-swaba’, diġà kienet meqjuma fil-Monasteru ta’ San Giorgio di Fiore fil-Kalabrija sa mill-1255. Wara li ġiet salvata minn taħt idejn il-pirati barbari f’attakk fuq il-post, fl-1296 ittieħdet f’purċissjoni solenni lejn il-gżira ta’ San Giorgio Maggiore, fejn tinsab il-lum fl-Abbazija Benedittina ddedikata lill-istess qaddis.

Ir-Relikwa Insinji tad-Driegħ ta’ San Ġorġ sa żżur il-Gżejjer Maltin bejn l-14 u l-20 ta’ Lulju 2014, akkumpanjata minn erba’ monaċi Benedittini ta’ l-istess Abbazija. Wara l-waqfa tagħha fil-parroċċa ta’ San Ġorġ f’Ħal Qormi, fejn se tingħata merħba t-Tnejn 14 ta’ Lulju, hekk kif tasal Malta mill-Italja, ir-Relikwa Insinji tad-Driegħ ta’ San Ġorġ mistennija tasal Għawdex it-Tlieta 15 ta’ Lulju, fejn l-ewwel waqfa tagħha tkun fir-Rotunda tax-Xewkija, ir-raħal li mija u ħamsa u sebgħin sena ilu laqa’ l-istatwa titulari ġdida ta’ San Ġorġ fi triqtha lejn il-belt Victoria.

Dak in-nhar, fis-7.00pm, l-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech, flimkien mal-Kapitlu u l-kleru Ġorġjan, jilqa’ r-Relikwa f’salib it-toroq fi Triq ir-Repubblika, il-Belt Victoria, u dritt wara ssir Translazzjoni Pontifikali biha lejn il-Bażilika Ġorġjana, akkumpanjata mill-Banda Ċittadina La Stella b’innijiet reliġjużi. Fit-8.00pm, imbagħad, tinżamm fil-Bażilika ta’ San Ġorġ Velja Ekumenika Solenni ppreseduta mill-Isqof ta’ Għawdex, flimkien ma’ l-Em.T. Gennadios Zervós, Metropolita ta’ l-Arċidjoċesi Griega Ortodossa ta’ l-Italja u Malta, u l-Kan. Simon Godfrey, Kanċillier tal-Komunjoni Anglikana f’Malta u Għawdex.

Kemm ħa ddum Għawdex, ir-Relikwa tad-Driegħ ta’ San Ġorġ ħa żżur l-Istpar Ġenerali ta’ Għawdex, il-kunventi tar-reliġjużi, u d-djar tal-morda u l-anzjani. Hi ħa tkun esposta wkoll għall-qima tal-fidili fil-knejjes ta’ San Franġisk, tar-Ragħaj it-Tajjeb u ta’ Santu Wistin, dejjem fil-belt Victoria. Ir-Relikwa Insinji tad-Driegħ ta’ San Ġorġ sa tinġarr ukoll fil-Purċissjoni Pontifikali ta’ San Ġorġ, nhar il-Festa, il-Ħadd 20 ta’ Lulju, fis-7.00pm.