Raġel ta’ 39 sena minn Santa Luċija nżamm taħt arrest preventiv wara li l-Qorti ċaħdet it-talba għal libertà proviżorja minħabba li l-persuna mhuwiex affidabbli wara li tressaq għat-tielet darba f’perjodu qasir akkużat b’serq. Fost oħrajn, il-Ġimgħa li għadda hu tressaq il-Qorti mixli b’serq ta’ arloġġi minn żewġ Awli tal-Qorti.
Charles Sciberras, li hu mingħajr impjieg u għandu problema ta’ droga, ġie mixli mill-Ispetturi Jason Francis Sultana u Joseph Agius quddiem il-Maġistrat Anthony Vella li l-Ħadd li għadda, għall-ħabta tal-5pm, seraq diversi oġġetti minn karozza għad-dannu ta’ Lawrence Micallef. Skont il-Prosekuzzjoni, Micallef qabad fil-fatt lil Sciberras jisraq u dan ipprova jirranġa miegħu biex ma jittieħdux passi kontrieh.
Hu ġie mixli wkoll b’attentat ta’ serq, li ma seħħx minħabba xi ħaġa aċċidentali u indipendenti mill-volontà tiegħu. Ġie mixli wkoll li għamel ħsara fil-karozza ta’ Micallef u li kiser il-kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Qorti, b’Digriet tal-Maġistrat Carol Peralta fit-28 ta’ April li għadda, wara li kien ingħata l-ħelsien mill-arrest.
L-akkużat ġie mixli wkoll li kiser il-kundizzjonijiet mogħtija mill-Maġistrat Tonio Micallef Trigona fuq is-serq tal-arloġġi mill-Awli tal-Qorti tal-Imħallef Tonio Mallia u l-Maġistrat Audrey Demicoli. Għal Sciberras deher l-Avukat tal-Għajnuna Legali Alessandro Lia.
//= $special ?>
