Is-servizz Home Start Malta li toffri l-Aġenzija Appoġġ u li jipprovdi għajnuna f’waqtha lill-familji bi tfal żgħar, s’issa diġa ta’ għajnuna lil mija u tlieta u għoxrin familja, u lil mitejn u tlieta u ħamsin tifel u tifla.
Dan ħareġ waqt it-tnedija tar-rapport biennali ta’ Home Start Malta għas-sentejn li għaddew kif ukoll it-tnedija tal-logo il-ġdid.
Home-Start Malta twaqqaf fis-sena 2006 permezz tal-Agenzija Appoġġ u għandu bħala sponsors lill-Vodafone Malta Foundation li s-Sinjura Gemma Mifsud Bonnici hi ċ-Chairperson tagħha, u l-HSBC Malta Foundation, li s-Sinjura Kate Gonzi hi ċ-Chairperson tagħha.
Alfred Grixti, il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi tas-Social Welfare qal li Home Start Malta wettaq ħidma b’suċċess permezz ta’ voluntieri li jgħinu familji vulnerabbli u anke familji li jkollhom bżonn għajnuna għal perjodu partikolari.
Catherine Fleri Soler, Manager tas-Servizzi tal-Appoġġ u Chairperson tal-Kumitat Home-Start Malta qalet li din l-organizzazzjoni li ilha mwaqqfa tmien snin, qegħda dejjem tikber. Hi qalet li anke n-numru ta’ voluntieri li joffru s-servizzi tagħhom qed jiżdied u s-sena li għaddiet laħħqu l-31 persuna. Hi qalet li sentejn ilu dan is-servizz beda jingħata f’Għawdex ukoll permezz tal-Home-Start Gozo.
Jaquiline Vella, Organizzatur ta’ Home-Start Malta qalet li huma jipprovdu għajnuna lil familji vulnerabbli li dejjem ikollhom bżonn xi tip ta’ għajnuna kif ukoll servizz lil familji oħrajn li jsibu ruħhom f’ċirkostanzi diffiċli u jkollhom bżonn l-għajnuna għal perjodu speċifiku.
Hi qalet li fost l-oħrajn Home-Start Malta ipprovda għajnuna permezz ta’ tliet voluntieri lil familja li kellha tewmin u li ma kellhiex appoġġ u għalhekk kienet sabet ruħha f’diffikultajiet u b’moral baxx. Illum din il-familja qamet fuq saqajha u dalwaqt mhux se jkollha bżonn aktar għajnuna.
//= $special ?>