Sport

Kittel ikompli jirbaħ

Il-Ġermaniż Kittel kompla jiddomina f’din l-edizzjoni tat-Tour de France hekk kif il-bieraħ rebaħ ir-raba’ tappa. Kittel rebaħ l-ewwel tappa s-Sibt u t-tielet tappa t-Tnejn.

Il-Ġermaniż għeleb l-isfida ta’ Alexander Kristoff u Arnaud Demare li spiċċaw fit-tieni u fit-tielet post rispettivament. Wara li l-ewwel tliet stadji saru fl-Ingilterra, r-raba’ tappa kienet l-ewwel waħda fi Franza u saret fuq distanza ta’ 163.4km minn Le Touquet sa Lille.

Kittel sar l-ewwel ċiklist f’dawn l-aħħar 40 sena li rebaħ l-ewwel tliet stadji minn erbgħa tat-Tour.

Il-lider tal-klassifika ġenerali baqa` t-Taljan Vincenzo Nibali li għandu vantaġġ ta’ żewġ sekondi fuq Peter Sagan li waqa` meta kien fadal 8km imma irkupra u spiċċa fir-raba’ post.

Iċ-champion renjanti Chris Froome kellu inċident imma temm it-tellieqa u issa qiegħed fis-seba’ post fil-klassifika Ġenerali. Iċ-Champion tal-2010 Andy Schleck mhux se jkompli jieħu wara li ma rkuprax mill-injuries li sofra fit-tielet tappa.