Lokali

L-MCAST b’korsijiet ġodda dwar studji fir-riċerka u t-taħriġ fl-ilma

Dawk li mis-sena akkademika li ġejja qed jitħajjru jattendu għal xi kors fl-Istitut tal-Arti, ix-Xjenza u t-Teknologija, l-MCAST, issa se jkunu jistgħu jsegwu wkoll korsijiet ġodda dwar studji fir-riċerka u t-taħriġ fl-ilma. Dawn il-korsijiet se jsiru possibbli wara ftehim li ntlaħaq bejn l-MCAST u l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma. Permezz ta’ dan il-ftehim, l-MCAST issa għandu ċentru ġdid, li se jgħin fl-użu u l-immaniġġjar tal-ilma, li hu riżorsa meqjusa bħala importanti u fl-istess waqt tippreżenta sfida għal pajjiżna.

F’kelmtejn waqt l-iffirmar tal-ftehim, l-Inġinier Alex Rizzo, id-Direttur tal-Istitut tax-Xjenzi Applikati tal-MCAST, qal li dan iċ-Ċentru l-ġdid hu ta’ importanza għal pajjiżna, anke minħabba l-iskarsezza li teżisti għal din ir-riżorsa. L-istudenti li jagħmlu użu minn dan iċ-Ċentru se jkunu jistgħu jgawdu mis-servizzi ta’ 12-il laboratorju mgħammrin b’teknoloġiji sofistikati, kif ukoll minn teknoloġiji bażiċi oħrajn.

Għall-attività kien hemm preżenti wkoll il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo, li qal li dan iċ-Ċentru se jgħin biex aktar pajjiżi jsegwu l-passi ta’ Malta f’dan il-qasam ukoll. Sadanittant, waqt l-istess attività, l-MCAST nieda wkoll Diploma fuq Livell 4 fit-Teknologija u l-Operazzjonijiet tal-Ilma. Anke f’dan il-każ, id-Diploma saret possibbli wara l-ftehim milħuq bejn il-Kulleġġ u l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma.