Aktar direttivi mill-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) lill-membri tagħha li jaħdmu fl-Isptar Monte Carmeli. L-ewwel direttiva ħarġet għal dawk l-infermieri li jsibu ruħhom f’wards b’numru ta’ pazjenti ferm aktar milli tiflaħ is-sala. Skont l-MUMN, din hi xi ħaġa li qed tiġri ta’ spiss f’dan l-Isptar.
Fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni, l-infermieri membri tal-MUMN ġew ordnati biex ma jieħdux deċiżjonijiet dwar iċ-ċaqlieq ta’ pazjenti minn ward għal oħra, iżda jħallu lit-tobba biex jieħdu deċiżjonijiet bħal dawn. Jekk it-tobba ma jieħdux din id-deċiżjoni f’temp ta’ nofsiegħa, l-istess infermieri ġew ordnati biex jitilqu mill-ward, minħabba l-fatt li jkunu f’riskju ta’ saħħa u sigurtà, u l-infermieri kollha għandhom imorru fl-uffiċini tal-amministrazzjoni, ħlief għal infermier jew infermiera li għandha tibqa’ fil-ward għal każi ta’ emerġenza.
F’direttiva oħra li ħarġet fl-aħħar sigħat, l-MUMN ordnat li l-ebda infermier m’għandu jitlaq minn ward biex iwassal il-pazjenti x’imkien, lanqas il-Qorti. L-uniku eċċezzjonijiet għandhom isiru meta l-pazjenti jkunu se jmorru fid-Dipartiment tal-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei. F’dan il-każ, l-infermieri għandhom ikunu akkumpanjati minn nursing aide. Din id-direttiva nħarġet minħabba l-fatt li l-Isptar Monte Carmeli għandu nuqqas kbir ta’ infermieri.
//= $special ?>