Is-soċjetà m’għandhiex tħares lejn min hu dyslexic b’xettiċiżmu iżda b’ottimiżmu għax xorta jista’ jagħti kontribut siewi fil-komunità. Dan qalu l-iSpeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farrugia waqt żjara li saritlu minn membri mid-Dyslexic Teens Dialogue Group fil-Kamra tal-Kumitati tal-Parlament.
Id-dyslexia hi kundizzjoni li tolqot lil dak li jkun meta jiġi biex jaqra u jikteb. L-iSpeaker qal li din il-kundizzjoni m’għandhiex tkun ta’ xkiel għal min jixtieq ikollu karriera, anke dik politika fil-Parlament. Qal li l-edukazzjoni għandha tkun l-ixprun għal min ibati bid-dyslexia, filwaqt li appella lil min hu b’din il-kundizzjoni biex ma jaqtax qalbu. Anġlu Farrugia fisser kif hu ltaqa’ ma’ diversi persuni f’karigi għoljin li huma dyslexic u għalhekk ħeġġeġ lill-membri f’dan il-grupp biex jaffrontaw id-dyslexia b’kuraġġ.
Id-Dyslexic Teens Dialogue Group twaqqaf tliet snin ilu minn grupp ta’ studenti, għalliema u ġenituri bl-iskop li jqajjem iżjed għarfien dwar din il-kundizzjoni, li llum tolqot ħafna nies. Student li jagħmel parti minn dan il-grupp spjega li hu u persuni bħalu jsibu diffikultajiet meta jiġu biex jagħmlu eżamijiet formali. Għaldaqstant, saret petizzjoni ffirmata minn persuni dyslexic, qraba u ħbieb tagħhom biex l-Università ta’ Malta tikkunsidra modi oħrajn kif isiru eżamijiet għal min hu b’din il-kundizzjoni.
Il-petizzjoni kienet ippreżentata lill-iSpeaker Anġlu Farrugia, li min-naħa tiegħu mistenni jpoġġiha fuq il-Mejda tal-Kamra fis-seduta tal-lejla. Ġenitur ta’ persuna li hi dyslexic apprezzat l-appoġġ li qed jagħtihom l-iSpeaker u qalet li studenti dyslexic laħqu fejn laħqu għax kellhom min jgħinhom u jinkoraġġihom biex qatt ma jaqtgħu qalbhom.
Anġlu Farrugia ssuġġerixxa wkoll li jsir seminar għall-Membri Parlamentari biex qabel ma jsir dibattitu fil-Parlament dwar is-suġġett, l-MPs ikunu ppreparati ħalli fl-interventi tagħhom joħorġu bl-aħjar ideat u inizjattivi għall-ġid ta’ min hu dyslexic u għas-soċjetà ġenerali.
//= $special ?>