Qorti

Mixli li fera lill-eks sieħba tiegħu għax m’aċċettax li temmet ir-relazzjoni

Mauro Persiano, ta’ 23 sena mill-Gżira, ġie mixli li fil-lejl ta’ bejn il-Ħadd u t-Tnejn li għaddew fera gravament lill-eks sieħba tiegħu Kelly Fenech barra l-istabbiliment Gringos f’Paċeville wara argument li kellhom bejniethom. Iż-żagħażugħ ġie mixli li kiser id l-eks sieħba tiegħu f’argument li seħħ minħabba li Persiano m’aċċettax il-fatt li Fenech kienet temmet ir-relazzjoni ta’ bejniethom. Il-feriti kienu dikjarati gravi mit-Tabib Cachia Bonello, li ra lit-tfajla.

Persiano, li wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrieh, ġie mixli wkoll li bl-imġieba tiegħu kkaġuna lil Fenech biża li se tintuża vjolenza kontriha jew kontra l-propjetà tagħha. Ġie mixli wkoll li kiser il-paċi pubbliku u l-buon ordni b’għajjat u ġlied. Persiano, li qal li jaħdem bħala machine operator mal-kumpanija ST Microelectronics, ġie mixli wkoll li qal kliem oxxen jew indiċenti fil-pubbliku.

L-Ispettur Sarah Magro, li ressqet lil Persiano, qalet li hi kienet qed titlob protezzjoni fil-konfront tal-vittma u anke l-membri tal-familja tagħha minħabba d-diżgwid li nqala’ dan l-aħħar. Fil-fatt, il-Qorti ordnat lil Persiano biex ma javviċinax lil Fenech u laqgħet it-talba għal libertà proviżorja fuq depoiżitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €2,500. Għalih deher l-Avukat tal-Għajnuna Legali Allesandro Lia.