Kunsilli Lokali Lokali

Aġġornata: Quinton Scerri jirriżenja minn Sindku ta’ Ħaż-Żabbar

Wara r-rapport tal-Bord ta’ Governanza li fih l-atteġjament tas-Sindku Laburista ta’ Ħaż-Żabbar Quinton Scerri ġie deskritt bħala abbużiv u arroganti, illejla Scerri ħabbar ir-riżenja tiegħu minn Sindku u Kunsillier. Huwa għamel dan f’ittra li bgħat lis-Segretarju Parlamentari Stefan Buontempo fejn Scerri saħaq li l-inkjesta ma kinitx waħda ġusta. Fl-ittra tiegħu Scerri qal li l-allegazzjonijiet kienu biss intenzjonati biex jagħmlu ħsara lir-reputazzjoni tiegħu wara li skond l-istess Scerri l-poplu Żabbari kien wera fiduċja fih.

Aktar kmieni…

Hu atteġġjament arroganti u abbużiv mis-Sindku Laburista ta’ Ħaż-Żabbar Quinton Scerri, li żamm il-paga dovuta lis-Segretarju Eżekuttiv mingħajr l-ebda raġuni valida. Scerri ħoloq traċċi ta’ inċident ta’ hit and run fil-konfront ta’ Kunsillier kollega tiegħu, liema inċident ma seħħ qatt. Kien hemm ukoll rapporti lill-Pulizija għalkemm mhi għaddejja l-ebda investigazzjoni dwar każi oħra ta’ firem kontra s-Segretarju tal-Kunsill u dwar l-operat tal-istess Kunsill Lokali.

Il-vot qawwi li kiseb fl-elezzjoni għall-Kunsill Lokali jidher li tant tela’ għal ras is-Sindku Laburista Quinton Scerri, li dan nesa l-proċedura u r-regolamenti kollha tat-tmexxija ta’ Gvern Lokali. Mexa b’mod irresponsabbli u dilettantesk, bi tmexxija li llum lanqas hi permessa f’Każin tal-Banda jew xi Għaqda tal-Armar tal-Festa, aħseb u ara fit-tmexxija ta’ Gvern Lokali.

Scerri kien jagħti wkoll ordnijiet direttament hu lil ħaddiema assenjati mal-Kunsill, mingħajr l-approvazzjoni tas-Segretarju Eżekuttiv jew tal-Kunsillieri. Kull struzzjoni bħal dawn tmur kontra l-Liġi tal-Kunsilli. Is-Sindku Laburista Quinton Scerri mhux persuna kredibbli u affidabbli.

Dawn huma l-konklużjonijiet prinċipali ta’ rapport li għamel il-Bord ta’ Governanza Lokali dwar il-ksur ta’ Liġi fil-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żabbar. Dan il-każ kien ġie żvelat mill-mezzi tax-xandir ta’ Media.Link Communications f’Ġunju 2013 meta, wara investigazzjoni kien irriżulta li kien hemm numru ta’ irregolaritajiet min-naħa tas-Sindku Laburista Quinton Scerri fl-organizzazzjoni tal-attività “L-Itwal Mejda fid-Dinja”.

Minn hemm, il-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żabbar, prattikament ma baqax jiffunzjona u ilu mit-12 ta’ Marzu ma jiltaqa’ minħabba nuqqas ta’ kworum. Tant hu hekk li l-President tas-Sezzjoni Kunsilliera tal-Partit Laburista Mario Fava stess ressaq din is-sitwazzjoni fil-Kunsill Lokali b’maġġoranza Laburista għall-investigazzjoni.

Il-Bord tal-Governanza Lokali m’għandux il-poter li jagħmel rakkomandazzjoni li l-Kunsill jiġi xolt, iżda fl-aħħar konklużjoni tieghu, il-Bord irrakkomanda li jiżdiedlu l-poter ħalli jkun jista’ jirrakkomanda lill-Prim Ministru dwar xoljiment ta’ Kunsill Lokali. Dan qed jimplika li kieku kellu dan il-poter, kien jagħmel hekk f’dan il-każ.

Fost konklużjonijiet oħrajn li wasal għalihom il-Bord, hemm li l-Action Team li ħatar Quinton Scerri sar mingħajr l-approvazzjoni tal-Kunsill u kien kompost minn persuni li ħadd ma jaf min huma. Is-Sindku jidher li aktar ried jistrieħ fuq persuni li kienu fit-tim elettorali tiegħu milli dawk li ġew eletti b’mod demokratiku fl-elezzjoni tal-Kunsill.

Għaldaqstant, il-Bord tal-Governanza kkonkluda li dan l-Action Team kiser il-Liġi minħabba li l-membri qatt ma kienu approvati mill-Kunsill, għax il-Kumitat kien magħmul minn aktar minn tmien persuni, u għax il-laqgħat tal-Kumitat ma kienux reġistrati bħala Minuti tal-Kunsill. Jirriżulta wkoll li kemm l-attività “L-Itwal Mejda tad-Dinja” kif ukoll “The International Food Festival” saru kontra l-Liġi.

Ir-rapport jikkonkludi billi jgħid li l-Kunsillieri kellhom jerfgħu r-responsabbiltà u jużaw l-għodda li tagħtihom il-Liġi ħalli jressqu vot ta’ sfiduċja fis-Sindku. Madankollu, dan ma sarx għax, kif ħareġ fil-media fl-aħħar jiem, il-Prim Ministru Muscat wiegħedhom li jieħu azzjoni hu. Dwar il-Kunsillieri li kienu ilhom ma jattendu għal laqgħat żmien twil, il-Bord jirrakkomanda li jiskatta l-Mekkaniżmu tal-Liġi biex il-post tagħhom jiġi vakat.

Il-Bord temm jikkummenta li l-partiti politiċi għandhom joqgħodu attenti x’kandidati jagħżlu biex jikkontestaw f’isimhom u jagħmlu skrutinju tajjeb. Ma jfissirx li meta persuna tkun popolari ħafna u tista’ ġġib il-voti, tkun idonea biex tkun eletta Kunsillier jew issir Sindku. Apparti li kien preżentatur tal-media Laburista, Quinton Scerri hu wkoll is-Segretarju Privat tal-Ministru Manwel Mallia u qabel kien fis-Segretarjat tal-eks Ministru Karmenu Vella.