Lokali

Rabja fost mijiet ta’ nassaba għall-Gvern

Mijiet ta’ nassaba, li ilhom għexieren ta’ snin jarmaw il-mansab tagħhom fuq art xagħri, jinsabu rrabjati għall-Gvern. Dan għaliex issa sabu li, minkejja l-ftaħir li l-Gvern se jiftaħ l-istaġun tal-insib, huma mhux se jkunu jistgħu jonsbu bħal ħaddieħor.

Meta lbieraħ marru biex jirreġistraw, bosta nassaba ġew mgħarrfa li mhux se jingħataw permess għax huma jarmaw l-imnasab tagħhom fuq art xagħri. Il-persuni li qed jilqgħu dawn ir-reġistrazzjonijiet infurmawhom li l-insib se jitħalla jsir biss fuq art bil-ħamrija. Din id-deċiżjoni qajjmet għadab kbir fost mijiet ta’ nassaba li ilhom snin jonsbu fix-xagħri u li issa saru jafu li xorta waħda se jibqgħu mċaħħda milli jeżerċitaw id-delizzju tagħhom.

Huma qed isostnu li meta l-Gvern ftaħar li se jiftħilhom l-istaġun tal-insib, qatt ma semma’ din ir-restrizzjoni. Huma jinsabu mgħaddba wkoll għall-Federazzjoni Kaċċaturi, Nassaba u Konservazzjonisti (FKNK), li mhi tagħmel xejn biex huma wkoll ikunu jistgħu joħorġu jonsbu bħal sħabhom f’dan l-istaġun.