Residenti u sidien ta’ ħwienet u stabbilimenti fi Triq Sant’Antnin f’San Pawl il-Baħar jinsabu urtati għal deċiżjoni li ttieħdet bla ebda konsultazzjoni magħhom. Dan hekk kif din it-triq partikulari, li twassal għall-Pjazza, kienet waħda pedonali u frekwentata minn ħafna nies. Issa din reġgħet infetħet għat-traffiku mingħajr ħadd ma kien infurmat u għas-sorpriża ta’ min jaħdem jew jgħix fiż-żona.
Sorsi li tkellmu ma’ MaltaRightNow.com fissru kif it-tmexxija tat-traffiku fi Triq Sant’Antnin kienet fuq l-aġenda ta’ laqgħa skedata mill-Kunsill Lokali tal-lokalità l-Ġimgħa li għadda. Madankollu, il-laqgħa tħassret u r-raġuni li ngħatat kienet għax is-Sindku kien indispost.
Minkejja li l-laqgħa ma saritx, u allura din l-item fuq l-aġenda ma kinitx diskussa, dakinhar stess filgħaxija saru l-bidliet mingħajr ebda notifikazzjoni. Il-Kunsillieri f’isem il-Partit Nazzjonalista ma kienux ikkonsultati bil-bidla u l-Kunsill b’maġġoranza Laburista għamel ta’ rasu u wettaq il-bidla li ried jagħmel.
Għaldaqstant it-triq, li kienet ilha magħluqa għat-traffiku mindu sar il-proġett ta’ Buġibba lejn l-aħħar tas-snin disgħin, reġgħet infetħet mill-ġdid għas-sewwieqa. Fil-fatt, nies li kienu mexjin f’din it-triq il-Ġimgħa filgħaxija osservaw it-tneħħija tal-bollards mill-art, kif ukoll ta’ numru ta’ tabelli. Minflok, tqiegħdu tabelli ġodda biex juru li ż-żona nfetħet għat-traffiku.
Persuni li tkellmu magħna fissru r-rabja u l-frustrazzjoni tagħhom għad-deċiżjoni arroganti li ttieħdet. Barra minhekk, il-Ħadd li għadda s-sitwazzjoni kienet deskritta bħala waħda kaotika. Dan għax kien hemm min sab it-triq miftuħa u minflok qabad u pparkja kif suppost, spiċċa pparkja l-vettura tiegħu fuq il-bankina. Kien hemm ukoll min tħawwad għax fejn qabel kien jaf li t-triq kienet waħda pedonali, spiċċa biex għadda mit-triq u kkonfonda b’riżultat li nżamm it-traffiku.
Barra minhekk, persuna oħra li tkellmet magħna qalet ukoll li tqiegħdu numru ta’ bollards fissi fuq il-bankina, li waqqfu l-aċċess għal min ikun qed jimmanuvra permezz ta’ siġġu tar-roti.
//= $special ?>