Qorti

Sentenza sospiża fuq serq ta’ ‘wires’ tad-dawl u għodod minn appartamenti

Raġel ta’ 47 sena mill-Mosta, li xogħolu hu li jpoġġi l-madum, ġie kkundannat mill-Maġistrat Anthony Vella għal 18-il xahar ħabs sospiżi għal tliet snin. Hu tpoġġa wkoll taħt ordni ta’ superviżjoni għal perjodu ta’ tliet snin wara li ammetta li seraq diversi oġġetti relatati ma’ xogħol ta’ kostruzzjoni għad-dannu ta’ Leone Camilleri, minn Birżebbuġa, li hu sid l-appartamenti.

Paul Zammit ammetta li fis-7 ta’ Lulju u fil-ġimgħat ta’ qabel seraq minn blokka ta’ appartamenti ta’ madwar 27 residenza fi Triq l-Immakulata, Wied il-Għajn. Flimkien ma’ persuna oħra, hu seraq wires tad-dawl, kompressur, sett tal-welding u affarijiet oħrajn, li kienu diġà bdew jinbigħu għar-ramm. Hu stmat li l-materjal misruq għandu l-valur ta’ madwar €13,000.

Zammit, li fil-Qorti rriżulta li reġa’ qabad il-vizzju tat-teħid tad-droga wara li kien waqaf għal perjodu, ammetta li kiser kundizzjoni mogħtija lilu mill-Qorti tal-Maġistrati fl-4 ta’ Settembru 2012, mill-Maġistrat Saviour Demicoli. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Frankie Sammut, filwaqt li għal Zammit deher l-Avukat Joe Giglio.

Il-persuna l-oħra nvoluta fis-serqa, u li allegatament kienet ma’ Zammit, mistennija titressaq il-Qorti fil-jiem li ġejjin, kif ikkonferma l-Ispettur Sammut. Għalhekk, il-Qorti ordnat lil Zammit biex iħallas €7,000, nofs l-ispejjeż, lill-vittma f’perjodu ta’ sitt xhur.