Editorjal

Editorjal: Aħbar tajba għal Malta: in-nomina ta’ Juncker

L-elezzjoni tal-Parlament Ewropew li saret f’Mejju kienet għall-ewwel darba għażla tal-President tal-Kummissjoni Ewropea wkoll . Il-kandidati ewlenin kienu dawk tal-Partit Popolari, Jean Claude Juncker, u dak tas-Soċjalisti, Martin Schulz.

Il-Partit Popolari Ewropew jirbaħ l-elezzjoni
Il-Partit Popolari rebaħ l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew fejn għandu l-akbar ammont ta’ siġġijiet. U kemm is-Soċjalisti, li għandhom it-tieni l-akbar ammont, kif ukoll il-Liberali li ġew ir-raba’, qablu li jappoġġjaw lil Juncker.

Jean Claude Juncker nominat anke mill-mexxejja Ewropej

Kruċjali wkoll kienet in-nomina li għamlu l-mexxejja Ewropej. Fis-summit tagħhom fl-aħħar ta’ Ġunju, 26 mit-28 mexxej, inkluż il-Prim Ministru Malti Joseph Muscat, innominaw lil Jean Claude Juncker biex ikun il-President tal-Kummissjoni Ewropea.

L-ogħla kariga fl-Unjoni Ewropea
Issa jonqos il-vot fil-Parlament Ewropew imma l-kandidat tal-Partit Popolari issa qiegħed qrib ferm li jieħu l-kariga li hi l-aktar importanti fl-Unjoni Ewropea għax il-President tal-Kummissjoni jmexxi l-eżekuttiv tal-Unjoni Ewropea.

Jean Claude Juncker jifhem lil Malta

Dan kollu hu aħbar tajba għal Malta. Jean Claude Juncker għandu esperjenza kbira fit-tmexxija ta’ pajjiż żgħir bħal Malta, il-Lussemburgu, li hu pajjiż li għamel suċċess kbir mis-sħubija u li Juncker mexxieh fil-kariga ta’ Prim Ministru għal 18-il sena.

Għandu esperjenza kbira fl-Ewropa
Fuq livell Ewropew, fl-aħħar disa’ snin, Jean Claude Juncker mexxa l-grupp ta’ pajjiżi li huma fil-qalba tal-Ewropa għax għandhom l-ewro u li Malta kienet imsieħba magħhom fl-aħħar sitt snin.

Ħabib kbir ta’ Malta…
Juncker hu fil-fatt ħabib kbir ta’ Malta. Għen biex Malta tissieħeb fl-Unjoni, ħadem biex Malta tikseb pakkett tajjeb ħafna fin-negozjati, u kien ta’ sostenn għalina biex dħalna aktar fil-qalba tal-Ewropa bl-ewro u biex nagħmlu suċċess mill-ewro.

… u tal-Partit Nazzjonalista
Juncker jaf tajjeb lill-eks-Prim Ministru Lawrence Gonzi u lill-Kap preżenti tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil u ħa sehem fil-kampanja tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew f’attività f’Ħ’Attard.

President tal-Kummissjoni Ewropea ideali għal Malta
Għax jifhem pajjiż żgħir bħal Malta u għax għandu esperjenza fil-qalba tad-deċiżjonijiet kemm f’pajjiżu kif ukoll fl-Ewropa fil-grupp tal-ewro, Jean Claude Juncker ikun President tal-Kummissjoni Ewropea ideali għal Malta.

Għalhekk, in-nomina tiegħu mill-mexxejja Ewropej hi aħbar tajba għal Malta.