Lokali

Filmat: Imniedi l-Abbozz tal-Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ, l-Oppożizzjoni mhux konsultata

F’konferenza tal-aħbarijiet li nżammet fil-bini tal-Aġenzija Żgħażagħ f’Santa Venera, tnieda l-Abbozz tal-Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ, li se tkopri l-perjodu bejn l-2015 u l-2020. Fil-konferenza tal-aħbarijiet ingħad li din il-Politika Nazzjonali għandha l-għan ewlieni li tagħti appoġġ liż-żgħażagħ ta’ bejn it-13 u t-30 sena.

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet intqal ukoll li x-xogħol fuq dan l-Abbozz beda s-sena li għaddiet, meta s-Segretarju Parlamentari preċedenti fforma Kumitat li għamel dan l-ewwel Abbozz. Minkejja li ngħad li l-Gvern ikkonsulta ma’ diversi gruppi taż-żgħażagħ u entitajiet oħrajn, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għaż-Żgħażagħ u Sport Robert Cutajar qal li l-Oppożizzjoni ma ġietx ikkonsultata (filmat).

Il-Pjan Nazzjonali taż-Żgħażagħ preċedenti kien skada fl-aħħar tal-2013 u għaldaqstant pajjiżna spiċċa mingħajr ebda strateġija nazzjonali għaż-żgħażagħ. Tħabbar li l-Abbozz tal-Politika Nazzjonali issa hu miftuħ għall-konsultazzjoni u la dan hu Abbozz, ifisser li mhuwiex wieħed finali. Il-konsultazzjoni se tinkludi wkoll seminar, li għalih se jkunu mistiedna fost l-oħrajn entitajiet u gruppi ta’ żgħażagħ jew ħaddiema li jaħdmu maż-żgħażagħ biex huma wkoll ikunu parteċipi f’din il-Politika.

Is-Segretarju Parlamentari responsabbli miż-Żgħażagħ Chris Agius qal li l-Gvern jemmen li biex din il-Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ tkun effettiva, tinħtieġ li tkun imsejsa fuq ċerti prinċipji u livelli. Qal li l-Gvern jemmen fiż-żgħażagħ, li jridu jingħataw l-opportunitajiet u l-għodda għax huma jagħmlu soċjetà aktar b’saħħitha.

Fl-istess attività tnediet ukoll Paġna fuq Facebook bl-isem ta’ “National Youth Policy Malta“, li se sservi ta’ pjattaforma biex mhux biss jingħata aċċess għall-Abbozz tal-Politika Nazzjonali u jiġu reklamati diskussjonijiet relatati ma’ dan l-Abbozz, iżda wkoll biex dawk kollha interessati jkunu jistgħu jagħmlu s-suġġerimenti tagħhom u jipparteċipaw fil-konsultazzjoni.