Il-Gvern Malti u l-Gvern Ċiniż iffirmaw ftehim ieħor ta’ koperazzjoni ta’ ħames snin, li għandu jkompli jintensifika r-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi. Il-ftehim kien iffirmat illum waranofsinhar mill-Viċi Prim Ministru Malti Louis Grech u l-Viċi Ministru għall-Affarijiet Barranin Ċiniż Zhang Yesui, fil-preżenza tal-Prim Ministru Malti Joseph Muscat u l-Prim Ministru Ċiniż Li Keqiang, fis-Sala tal-Poplu fil-kapitali Ċiniża Beijing.
Il-ftehim ikopri koperazzjoni fl-oqsma tal-avjazzjoni, servizzi finanzjarji, turiżmu u proġetti infrastrutturali u tal-enerġija b’investiment Ċiniż. Il-ftehim jinkludi wkoll skambju bejn istituzzjonijiet ta’ tagħlim u riċerka bi klassijiet apposta f’ċerti skejjel biex jippromwovu t-tagħlim tal-ilsien Ċiniż u biex universitajiet Ċiniżi jkunu jistgħu jiftħu kampus fil-Mediterran.
Dan hu l-aħħar minn sensiela ta’ ftehim bejn Malta u ċ-Ċina f’dawn l-aħħar xhur, fosthom il-ftehim mal-kumpanija Statali China Power Investments, li permezz tiegħu xtrat 33% tal-Enemalta u l-kontroll tal-aktar impjant ġdid tal-Enemalta li nbena mill-BWSC. Kien hemm ukoll il-ftehim ma’ kumpanija oħra Ċiniża biex tagħmel studju dwar il-bini ta’ pont bejn Malta u Għawdex. Skont rapporti, fiż-żjara f’Beijing, Muscat iddiskuta ma’ din il-kumpanija l-possibbiltà li tidħol għal aktar proġetti f’pajjiżna.
Il-media Maltija li akkumpanjat lill-PM f’din iż-żjara uffiċjali kienet tinkludi lix-xandir tal-istat, lil The Times of Malta u MaltaToday, li kienu mistednin b’mod esklussiv mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Dan wassal biex il-ġurnal The Malta Independent jirrapporta li l-Uffiċċju tal-Prim Ministru mhux se jibqa’ jistieden lill-media kollha għall-impenji uffiċjali tiegħu barra mill-pajjiż, iżda se jkunu mistiedna biss ċerti media magħżula.
Din il-policy l-Ġdida kienet ikkonfermata mill-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Gvern Kurt Farrugia wara li l-ġurnal bl-Ingliż ilmenta li ma kienx mistieden jirrapporta ż-żjara ta’ Muscat f’Beijing. Dan kien it-tieni każ f’temp ta’ ftit ġimgħat li fih il-Gvern qed ikun selettiv fuq min jistieden għall-impenji uffiċjali tal-Prim Ministru. Fl-aħħar ta’ Ġunju, kienu biss ix-xandir tal-istat u d-Dipartiment tal-Informazzjoni li akkumpanjaw lil Muscat għal laqgħa tal-Kunsill Ewropew fi Brussell.
//= $special ?>