Sport

Il-Ġermanja kompletament tumilja lill-Brażil

B’erba gowls f’sitt minuti il-Ġermanja kisbu rebħa mpressjonanti u storika biex għalqu semifinali tat-Tazza tad-Dinja wara biss 29 minuta meta marru 5-0 minn fuq f’Belo Horizonte. Sat-tmiem ir-riżultat finali kien l-akbar telfa li qatt sofra l-Brażil , 7-1 wara dik 6-0 kontra l-Urugwaj fl-1920.

Bla dubju waħda mill-aktar taqsimiet impressjonanti fl-istorja tat-Tazza tad-Dinja bil-Ġermaniżi b’ċans li jiskorjaw kull darba li resqu viċin il-lasta ta’ Julio Cesar. Ironikament kien il-Brażil l-aħħar tim li skorja ħames gowls f’semifinali u dan kien fl-1958.

Il-Brażil forsi kellu lil Neymar nieqes imma bla dubju ħass l-aktar lil Thiago Silva għaliex il-Ġermaniżi fetħuhom beraħ u żifnu s-samba fuq art Brażiljana fejn il-plejers Brażiljani bdew jiġru wara l-ballun qishom tfal ta’ 11-il sena. Ma kinitx biss telfa u eliminazzjoni, imma umiljazzjoni.

Il-Ġermaniżi kienu taħt pressjoni għall-ewwel għaxar minuti, żammew kalmi u għamlu d-difiża Brażiljana tidher agħar minn tfal tal-iskola. L-istadium waqa’ f’silenzju kbir u miegħu pajjiż ta’ 200 miljun li żgur qatt ma kien daqshekk umiljat fl-istorja tiegħu.

Kienet l-ewwel telfa għall-Brażil f’darhom sa mill-1975, perjodu li jkopri 63 logħba.

It-tim ta’ Loew fetaħ l-iskor fl-ewwel corner li kellu fil-11-il minuta meta Kroos xeħet lejn l-iżmarkat THOMAR MULLER li kompletament waħdu fuq it-tieni lasta għeleb lil Cesar. Kien il-ħames gowl tiegħu fil-Brażil u bih laħaq lill-aqwa skorer James Rodriguez.

Fit-22 minuta bdiet festa nkredibbli. MIROSLAV KLOSE skorja s-16-il gowl tiegħu f’Tazza tad-Dinja u waqqaf rekord meta wara azzjoni tajba rċieva mingħand Kroos bl-ewwel xutt ikun salvat minn Cesar imma mir-rebound l-istess attakkant veteran ta’ 36 sena sar l-aktar plejer li qatt skorja f’Tazza tad-Dinja.

Żewġ minuti wara u 3-0. Cross mil-lemin li Thomas Muller ma laqatx imma TONI KROOS b’xutt bix-xellug minn 18-il metru spara fix-xibka.
Il-Brażil ma kienux jafu x’laqathom bil-Ġermaniżi jagħmlu festa mil-linja leminija hekk kif fis-26 minuta, eżatt malli reġa’ beda l-logħob, Fernandinho tilef il-pussess, TONI KROOS bidel ma’ Sami Khedira li rritornalu l-ballun għal 4-0. Kienu għaddew biss 179 sekonda bejn it-tieni u r-raba’ gowl.

Kien hawn li bdew jidhru filmati ta’ partitarji jibku l-umiljazzjoni li kien qed isofri l-Brażil. Imma kien fadal, u fid-29 minuta SAMI KHEDIRA rebaħ ballun u xeħet lejn Mesut Ozil fuq ix-xellug li reġa’ żifen bid-difiża u rritorna l-ballun lill-plejer ta’ Real Madrid li xeħet f’lasta vojta. Inkredibbli 5-0 kontra l-Brażil f’pajjiżhom u wara 29 minuta. Rekord ieħor għaliex l-ebda tim fl-istorja tat-Tazza tad-Dinja qatt ma kien 5-0 minn fuq sal-ewwel 29 minuta.

It-taqsima ntemmet bil-partitarji Brażiljani għall-ewwel darba jibbuwjaw u jsaffru lill-benjamini tagħhom.Wara l-misrtrieħ il-Brażil ħareġ jilgħab għall-unur, il-Ġermaniżi rrilassaw iżżejjed u Oscar u Paulinho kienu mċaħħda fi tliet okkażjonijiet minn Neuer milli jnaqqsu l-iskor.

Imma l-istess bħall-ewwel taqsima l-Ġermaniżi ħadu kmand u fid-69 minuta għaqqdu n-nofs tużżana, Philipp Lahm xeħe tlejn is-sostitut ANDRE SCHURRLE li sab spazju u xeħet ġewwa. Fid-79 minuita l-Ġermanja fis-seba’ sema u reġa’ kien ANDRE SCHURRLE li rċieva l-applaws mill-istadium kollu preżenti għall-gowl brillanti wara throw-in u flick ta’ Muller.

Logħba storika li se tibqa’ mniżżla fl-istorja taż-żewġ timijiet u għal-Brażiljani probabbli kienet agħar mit-telfa tal-1950 li kienu ġarrbu fil-finali kontra l-Urugwaj.