Lokali

Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin jiltaqa’ mal-Ambaxxaturi Maltin Mhux Residenti

Waqt il-laqgħa annwali tal-Gvern mal-Ambaxxaturi Maltin Mhux Residenti, spikka l-fatt li hemm nuqqas ta’ fondi u finanzi allokati għal dawn l-Ambaxxaturi. “Ma nistgħux noħorġu l-flus għal kulma wieħed qed jipproponi. Tifhmu li l-Ministeru għandu finanzi limitati”, qal il-Ministru għall-Affarijiet Barranin George Vella lil dawk preżenti.

Vella sostna li minkejja l-limitazzjoni ta’ riżorsi finanzjarji, qed jistieden lill-Ambaxxaturi Mhux Residenti biex jersqu ‘l quddiem b’inizjattivi u proġetti li jistgħu jkunu ta’ gwadann għal pajjiżna. Fid-diskors tiegħu, il-Ministru spjega r-rwol importanti li għandu l-Ambaxxatur Mhux Residenti, minkejja li m’għandux rappreżentanza permanenti fil-pajjiż partikolari.

George Vella qal li r-rwol ta’ Ambaxxatur Mhux Residenti hu li jippromwovi lil Malta u li jagħmel il-kuntatti neċessarji għall-ġid tal-pajjiż. Fuq dan il-punt, il-Ministru Vella rrimarka kif Malta hi pajjiż li faċilment tista’ tippromwovieh, hekk kif fl-aħħar snin u minkejja l-isfidi globali u fl-Ewropa, Malta baqgħet pajjiż b’saħħtu u bi stabbiltà ekonomika.

Il-Ministru qal li minkejja li Ambaxxatur Mhux Residenti ma jkollux Ambaxxata fil-pajjiż partikolari, illum permezz tat-teknoloġija u l-internet, min irid jagħmel xogħol effettiv jista’ jagħmel dan. Il-Ministru Vella rrimarka kif hemm numru ta’ Ambaxxaturi Mhux Residenti li fl-aħħar snin varaw proġetti li ssarrfu f’ġid għal pajjiżna.

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin qal li fil-pajjiżi fejn m’hemmx Ambaxxata mhux eskluż li kemm-il darba jsir xogħol bis-serjetà u ta’ ġid għall-pajjiż, il-Gvern jiddeċiedi li jiftaħ Ambaxxata permanenti f’dak il-pajjiż. Vella spjega kif il-laqgħa annwali mal-Ambaxxaturi Mhux Residenti hi importanti, filwaqt li qal li ma jeskludix li fil-futur dawn l-Ambaxxaturi jitlaqqgħu aktar minn darba fis-sena. Saħaq li hu importanti għal kull Ambaxxatur li jagħraf il-politika partikolari tal-Gvern u l-għanijiet li jridu jintlaħqu.

Din il-laqgħa annwali tindirizza għadd ta’ suġġetti ta’ importanza, fosthom is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, il-programm ta’ għajnuna lil pajjiżi li qed jiżviluppaw, is-Summit taċ-CHOGM li se jsir f’Malta s-sena d-dieħla u l-Presidenza Maltija tal-UE fl-2017.