Qatt m’għandu jintesa l-element uman f’każijiet dwar abbuż mid-droga
“L-element uman fil-każijiet dwar abbuż mid-droga m’għandu qatt jintesa. F’dawn il-każijiet jidħlu ħafna emozzjonijiet u l-akbar preokupazzjoni tiegħi dejjem kienet dwar kemm iż-żagħażagħ b’kondotta kriminali se jsibu x-xogħol”.
Dan ħareġ fl-aħħar diskors li sar fil-Qorti mill-Imħallef Lawrence Quintano li rtira bl-eta’. Huwa sostna li ma hemm xejn agħar minn żagħażugħ fl-aħjar tiegħu li jkun ħareġ mill-ħabs u jiskopri li jkun kisser ħajtu.
Qal li mhux faċli li hu kien ikun qed jikteb sentenza fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu meta kien ikollu akkużat jitlob għal għajnuna, jew missier li jisħaq għall-ġustizzja minħabba li jkun tilef iben jew bint minħabba d-droga.
“Ma tistax tiddiskrimina, trid timxi mal-liġi,” qal l-Imħallef li ammetta li xi kultant huwa diffiċli li jikkontrolla l-emozzjonijiet ta’ xi ħadd. Huwa dejjem ta’ sodisfazzjon li wieħed jara persuni jirriformaw, isibu x-xogħol, u f’saħħithom.
“Anke kriminali kbar jistgħu jibdew jaraw id-dawl xi drabi, bil-problema prinċipali tkun li qatt ma kellhom lil xi ħadd jiggwidahom. Nemmen li appelli mill-Qrati tal-Maġistrati jibdew jinstemgħu minn tliet Imħallfin minflok minn wieħed.
“Problema kbira li qed tiffaċċa l-Qorti hija li mhux qed tingħata attenzjoni biżżejjed fuq in-nuqqas ta’ riżorsi umani fil-ġudikatura”, qal l-Imħallef Quintano.
Huwa kompla jgħid li kull Gvern jiffaċċa l-istess problemi finanzjarji biex jibbilanċja l-budget, iżda irid isir aktar biex il-problema tiġi ndirizzata.
L-Imħallef Quintano qal ukoll li l-esperjenza tiegħu fil-Qorti Kriminali u tal-Appell Kriminali Inferjuri kienet għalih sabiħa u waħda sorprendenti. Fost l-esperjenza huwa semma każ ta’ tfajla li kellha diversi problemi u llum qatgħet il-vizzjijiet kollha.
L-Imħallef Quintano irringrazzja lill-avukati kollha li deheru quddiemu għal kemm ilu jservi għal dawn l-aħħar 11-il sena u nofs talli urew miegħu. Irringrazzja ukoll lil dawk kollha li jagħmlu parti mill-ġudikatura, lill-istaff kollu tal-Qorti minn fuq sa isfel u l-istaff tiegħu personali.
Irringrazzja wkoll lil dawk il-persuni li jitolbu għalih u lill-membri tal-familja tiegħu li qal ħadu paċenzja bih mhux biss fil-ġudikatura iżda ukoll meta kien iservi fl-uffiċċjut al-Avukat Ġenerali.
Huwa rringrazzja ukoll lill-Prim Ministru li ħa azzjoni mmedjata biex ikun xi forma ta’ sigurta’ u bħal kanonċi ta’ Birkirkara, tirbaħ il-bokkla l-qattusa tiegħu, Simba li dejjem ikkalmatu bil-preżenza tagħha f’mumenti ta’ tensjoni kbira. Qal li kellha l-istint li tintefa’ minn tulha fuq proċess kull meta kien jidhrilha li l-proċess ried aktar studju jew meta jfettlilha tistrieħ fuqu bil-lampa tixgħel dirett fuqha biex iżommha sħuna.
//= $special ?>

