Illejla fil-Parlament il-Ministru tal-Intern u s-Sigurta’ Nazzjonali Manwel Mallia tkellem dwar ir-riżenja tal-Kummissarju tal-Pulizija Peter Paul Zammit u l-ħatra tad-Deputat Kummissarju tal-Pulizija Ray Zammit bħala Agent Kummissarju.
Fi stqarrija Ministerjali Mallia qal li l-Gvern qed iwettaq politika pożittiva li qed jaġixxi għall-isfidi fil-Korp tal-Pulizija. L-ogħla karigi għandhom ikunu b’kuntratt definit ta’ tliet snin.
Il-Ministru Mallia tenna li ż-żieda ta’ Deputati Kummissarji u Assistenti Kummissarji jirriflettu ħidma biex ikun hemm management aħjar tal-Korp u qal li issa se jsir l-istess fir-ranks ta’ Supretendenti u Spetturi.
Qal li l-Oppożizzjoni kienet distruttiva u partiġġjana u sabet xkiel biss.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qal li l-Ministru Mallia ma weġibx għaliex Peter Paul Zammit tneħħa mill-kariga u għaliex Ray Zammit inħatar Agent Kummissarju. It-tneħħija ta’ Zammit waslet ġurnata wara li kien żvelat li ma kooperax mal-uffiċċju ta’ kontra l-korruzzjoni tal-UE l-OLAF kif inhu obbligat bil-liġi. Hu awgura lil Ray Zammit fil-ħatra u wiegħed l-appoġġ tal-Oppożizzjoni iżda mhux meta jsiru żbalji li l-Oppożizzjoni għandha d-dmir li tiġbed l-attenzjoni.
Fl-aħħar sena u nofs kien hemm diversi inċidenti li mminaw il-fiduċja tal-pubbliku fil-Korp tal-Pulizija taħt it-tmexxija tal-eks Kummissarju Peter Paul Zammit.
Seta’ għamel nomina u l-persuna nominata tkun mismugħa minn kumitat fil-Parlament.
Simon Busuttil staqsa jekk Peter Paul Zammit ma ikkoperax mal-OLAF minn jeddu jew ingħatax struzzjonijiet li jagħmel dan mill-Ministru Mallia. Staqsa wkoll x’inhi l-investigazzjoni ġdida tal-OLAF fil-konfront tal-eks Kummissarju Ewropew John Dalli. Staqsa wkoll jekk jassigurax li l-Agent Kummissarju hux se jikkopera mal-OLAF. B’liema awtorita’ il-konsulent tal-PM John Dalli bagħat messaġġ lid-Direttur Generali tal-Olaf Giovanni Kessler li jekk jiġi Malta jista’ jiġi arrestat. Jekk Mallia jaqbilx dwar dan.
//= $special ?>