Skont iċ-ċifri li l-Gvern jibgħat lill-Kummissjoni Ewropea biex fuqhom tiżgura li pajjiżna ma jaqbiżx il-livelli stabbiliti tal-iżbilanċ, bejn Jannar 2014 u Marzu 2014 l-iżbilanċ fil-finanzi tal-Gvern żdied b’€25 miljun (aktar minn 23%) meta mqabbel mal-istess tliet xhur tal-2013, li kienu l-aħħar tliet xhur ta’ Gvern Nazzjonalista. Il-livelli stabbiliti skont ir-regolamenti tal-Unjoni Ewropea jitolbu li l-iżbilanċ irid jinżamm taħt it-3% tal-Prodott Gross Domestiku biex ma jittieħdux passi kontra pajjiżna.
Dawn iċ-ċifri uffiċjali, ippubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) juru li fl-ewwel kwart tal-2014, l-iżbilanċ fil-finanzi tal-Gvern kien jammonta għal €132.5 miljun. Dan kien dovut għall-fatt li sew id-dħul kif ukoll in-nefqa tal-Gvern żdiedu. Madankollu, l-infieq żdied b’aktar mid-doppju milli żdied id-dħul. Filwaqt li d-dħul tal-Gvern bejn Jannar 2014 u Marzu 2014 żdied bi €19 miljun (2.9%), in-nefqa żdiedet b’€44 miljun (5.7%) fuq l-ewwel kwart tal-2013.
Mill-istatistika tal-NSO jirriżulta wkoll li f’dak li hu dħul, li fi tmiem Marzu 2014 kien fil-livell ta’ €687 miljun, il-Gvern daħħal aktar mit-taxxi fuq il-produzzjoni u l-importazzjoni u mill-kontribuzzjonijiet soċjali, iżda naqas id-dħul mill-Income Tax. Dan juri li kien hawn anqas nies jaħdmu f’pajjiżna. Min-naħa l-oħra, in-nefqa, li kienet fil-livell ta’ €819 miljun, żdiedet fil-benefiċċji soċjali u fost l-oħrajn fil-pagi taċ-Ċivil. Dan ikompli jikkonferma ż-żieda fl-impjiegi mal-Gvern, fejn irriżultat żieda ta’ ftit aktar minn €18 miljun fin-nefqa tal-Gvern.
Minbarra ħarsa lejn l-ewwel tliet xhur tal-2014, l-istatistika tagħti wkoll rendikont ta’ kif żdied l-iżbilanċ fl-aħħar sena sħiħa, l-2013, li taqsamha f’perjodi ta’ tliet xhur. Mill-istatistika tal-NSO jirriżulta li f’kull kwart tal-2013 l-iżbilanċ dejjem żdied meta mqabbel mal-istess tliet xhur fl-2012. L-aktar darba li żdied, b’10%, kien bejn Lulju u Settembru. Meta wieħed joħroġ it-total tas-sena sħiħa, l-NSO jgħid li fi tmiem l-2013 l-iżbilanċ fil-finanzi tal-Gvern kien fil-livell ta’ €204 miljun (żieda ta’ 6.3% fuq l-2012).
Iċ-ċifri jagħtu rendikont ukoll tad-dejn tal-Gvern, hekk kif fl-aħħar ta’ Marzu 2014, id-dejn nazzjonali qabeż il-€5.5 biljun, wara li żdied bi €330 miljun fuq sena qabel.
//= $special ?>