Sport

L-ewwel rebħa għal Boom

Iċ-ċiklist Olandiż Lars Boom kiseb l-ewwel rebħa tiegħu meta temm l-ewwel fil-ħames tappa tat-Tour de France, li kienet ikkaratterizzata mix-xita.

Boom ħa tliet sigħat u 18-il minuta biex rebaħ it-tappa li kienet twila 155km u bdiet f’Ypres u intemmet f’Arenberg Porte du Hainaut.

Hekk kif kien fadal sitt kilometri ċ-ċiklista ta’ Belkin żied fir-ritmu u spiċċa quddiem il-koppja ta’ Astana, Jakob Fuglsang u Vincenzo Nibali.

It-Talajn Nibali xorta baqa’ jżomm l-ewwel post tal-klassifika ġenerali b’vantaġġ ta’ żewġ sekondi fuq sieħbu Fuglsang.

Jirtira ċ-champion Froome

Intant iċ-champion renjanti Chris Froome irtira mit-Tour wara li waqa` darbtejn fil-ħames tappa. Wara li waqa` l-ewwel darba Froome qam u kompla, imma hekk kif kien fadal madwar 66km biex tintemm it-tappa reġa’ waqa` u kien hawn li rtira.

Froome kellu inċident anke waqt ir-raba’ tappa tat-Tlieta imma kien irkupra u temm it-tellieqa. Sena ilu Froome sar it-tieni ċiklist mir-Renju Unit li qatt rebaħ din il-kompetizzjoni wara li sena qablu kien rebaħ it-Tour Bradley Wiggins.

Il-Brittaniku Mark Cavendish irtira mit-Tour nhar it-Tnejn wara li kien żloga spalltu f’inċident li kellu fl-ewwel tappa tas-Sibt li għadda.