Maximillian Ciantar, ta’ 24 sena mill-Marsa, inżamm taħt arrest preventiv wara li tressaq il-Qorti mixli li għall-ħabta tal-11.30am tal-bieraħ għamel ħsara fuq żewġ karozzi tat-tip Toyota u Ford Fiesta meta baqa’ dieħel fihom, b’dannu għal Joseph Catania u Karmenu D’Amato rispettivament, kif ukoll li offendihom, f’każ li seħħ fil-Ħamrun. Ciantar, li tressaq mill-Ispettur Robert Vella quddiem il-Maġistrat Audrey Demicoli, ġie mixli b’sewqan perikoluż meta kellu l-liċenzja skwalifikata fuq odni tal-Qorti. Ġie mixli wkoll li wettaq dawn ir-reati bil-karozza li hi propjetà ta’ ommu u li hi tat-tip Renault.
Ciantar wieġeb mhux ħati għal numru ta’ akkużi, li jinkludu li għamel ħsara fuq żewġ karozzi, li saq bla liċenzja u polza tal-assikurazzjoni, li kiser il-paċi pubblika b’għajjat u ġlied, li qal kliem indiċenti u oxxen li jikkonsisti f’dagħa, li hedded lill-vittmi b’mod li ħareġ barra mil-limiti tal-provokazzjoni u li kiser il-provedimenti tal-Qorti b’sentenza mogħtija lilu fl-1 ta’ Frar 2013 mill-Qorti tal-Maġistrati. Ġie mixli wkoll li lbieraħ stess, iżda għall-ħabta tas-7.30pm, meta kien l-Isptar Mater Dei m’obdiex l-ordnijiet leġittimi tal-Pulizija, anzi pprova jfixkilhom, kif ukoll li sar reċidiv b’diversi sentenzi mogħtija mill-Qorti.
L-Ispettur Robert Vella qal li Ciantar għandu l-problemi u għandu bżonn l-għajnuna. Allegatament, wara l-ħabta hu nstab fi stat ħażin ħafna. Qal li la l-akkużat u lanqas il-familjari tiegħu ma kkoperaw mal-Pulizija, tant li kellhom jgħaddu diversi sigħat biex jiġi ntraċċat. L-Avukat Joe Brincat għamel talba għal-libertà proviżorja ta’ Maximillian Ciantar. Min-naħa tagħha, għar-raġunijiet li semma’ aktar kmieni l-Ispettur Vella, kif ukoll għall-fatt li l-akkużat mhux affidabbli, il-Prosekuzzjoni opponiet. Il-Prosekuzzjoni sostniet ukoll li din kienet is-sitt okkażjoni li Ciantar tressaq il-Qorti fuq każijiet ta’ ksur ta’ Liġi li għandu x’jaqsam mas-sewqan.
Fl-2011, Maximillian Ciantar kien fl-aħbarijiet meta kien ikkundannat sentejn ħabs wara li kien tajjar tewmin bniet ta’ 11-il sena fuq zebra crossing f’Ħ’Attard. Ftit wara li ħareġ mill-ħabs, kien reġa’ kiser il-Liġi fuq reati oħrajn.
//= $special ?>

