Il-Gvern nieda simplifikar fil-proċeduri tal-pensjoni tar-romol bl-iskop li jkunu faċilitati l-proċeduri għar-romol biex jieħdu l-pensjoni.
Il-Ministru għall-Familja u s-Solidarjeta Soċjali Michael Farrugia spjega li s’issa armel jew armla li kellhom jagħmlu talba formali apposta biex jirċievu l-pensjoni tar-romol u li persuna li tkun għadha kemm tilfet persuna għaziza li tkun għexet magħha għal numru ta’ snin, riedet tiġbor iċ-ċertifikat tal-mewt u tmur tapplika fl-Ufficcju Distrettwali; biex imbagħad l-applikazzjoni tiġi proċessata fid-Dipartiment tal-Belt.
Mil-lum ’il quddiem, armel jew armla se jirċievu ittra u jmorru biss fl-Uffiċċju Distrettwali biex jagħtu l-informazzjoni meħtiega ħalli tinħadem il-pensjoni. Iżda f’każ li l-konjugu li jkun miet ikun digà pensjonant, l-armel jew l-armla jircievu ittra fejn jintalbu jaghtu biss l-IBAN tal-kont tal-Bank biex jircievu l-pensjoni direttament f’dak il-kont.
Kemm-il darba l-konjugu li miet ma jkunx jirċievi pensjoni, il-persuna, permezz ta’ ittra, tintalab biss dettalji jew id-dokumenti meħtiega għall-ipproċessar tal-pensjoni.
F’ċirkostanza fejn il-konjugu jkollu kontribuzzjonijiet nieqsa għax ikun ħadem barra minn Malta, jintalbu d-dettalji biex titranga s-sitwazzjoni. F’każi fejn il-konjugu li miet ma jkunx ħallas kontribuzzjonijiet biżżejjed, jinbeda l-proċess biex tingħata l-Pensjoni mhux Kontributorja tal-Età. Kemm-il darba l-persuna li tormol tmur jew ma tmurx fl-Uffiċċju Distrettwali, din xorta tirċievi ittra ta’ avviż biex tapplika għall-Pensjoni tar-Romol u hekk jibda l-proċess li semmejna.
Il-Ministru Farrugia qal li fil-qasam tas-Simplifikazzjoni l-Gvern qed jaħdem biex sal-aħħar tas-sena jdaħħal tliet inizjattivi ġodda. Dan se jsir ukoll bil-one stop shops fil-lokalitajiet.
//= $special ?>