It-Tnejn li għadda, diversi ġimgħat wara d-data li suppost kellhom jinġabru, tpoġġew fuq il-Mejda tal-Parlament id-Dikjarazzjonijiet tal-Assi tal-Ministri u s-Segretarji Parlamentari. Dawn id-Dikjarazzjonijiet ivarjaw sew, b’numru żgħir minnhom dettaljati u li mxew mal-iskop ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet, kif imfisser fil-Kodiċi tal-Etika tal-membri tal-Kabinett, iżda oħrajn li ma taw stampa ċara xejn.
Fost l-aktar Dikjarazzjonijiet tal-Assi li kienu dettaljati kien hemm tal-eks Ministru tas-Saħħa Godfrey Farrugia, li tikkontrasta sew mal-maġġoranza tad-Dikjarazzjonijiet tal-Assi tal-eks kollegi tiegħu fil-Kabinett, inkluż tal-Prim Ministru Joseph Muscat. Fid-Dikjarazzjoni tiegħu, Muscat jgħid li l-uniku dħul tiegħu tul l-2013 kien ta’ €61,050 mis-salarju ta’ Prim Ministru u li fil-bank għandu depożitati €70,000, jiġifieri daqskemm se jdaħħal f’leġiżlatura mill-kirja tal-karozza tiegħu lilu nnifsu.
Fost l-aktar dikjarazzjonijiet xotti u li ma jagħtux stampa ċara tal-Assi tiegħu, hemm dik tal-Ministru tas-Saħħa u l-Enerġija Konrad Mizzi. Mistoqsi minn MaltaRightNow.com f’Mejju li għadda dwar id-dewmien biex jissottometti d-Dikjarazzjoni tal-Assi tieghu, il-Ministru Konrad Mizzi kien qal li qed jiġbor l-informazzjoni biex din tkun l-aktar preċiża possibbli. Għaldaqstant, wieħed kien qed jistenna eżerċizzju estensiv li jagħti stampa ċara tal-Assi tal-Ministru Mizzi.
Madankollu, id-Dikjarazzjoni tiegħu kienet nieqsa minn dan. Bħala propjetà immobbli, il-Ministru Konrad Mizzi qal li għandu appartament f’Tas-Sliema, kif ukoll dar u garaxx f’Londra. Il-prezzijiet tal-appartamenti f’Tas-Sliema jvarjaw skont id-daqs, il-post u t-tip ta’ binja b’diversi eluf ta’ ewro. Aktar u aktar, fil-każ ta’ Londra, il-valur tal-propjetà tvarja minn ftit eluf għal miljuni ta’ ewro, aktar ma toqrob lejn iċ-ċentru tal-belt kapitali Ingliża.
B’differenza ma’ numru ta’ kollegi tiegħu fil-Kabinett, il-Ministru Konrad Mizzi naqas milli jiddikjara l-Assi u d-dħul tal-mara tiegħu. Matul l-2013, Sai Mizzi ngħatat kariga mal-Malta Enterprise, li tagħha qed titħallas madwar €13,000 fix-xahar għal xogħol mhux magħruf minn post mhux magħruf fiċ-Ċina. Skont id-dikjarazzjoni tiegħu, id-dħul tal-familja Mizzi fl-2013 kien ta’ ftit aktar minn €54,000.
//= $special ?>