Il-Union Ħaddiema Magħqudin (UĦM) kellha tirrikorri għal proċeduri Kostituzzjonali fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili wara li numru ta’ ħaddiema Meteoroloġisti, li permezz tal-union tagħhom kienu bdew proċeduri fil-Qorti biex jieħdu dak li hu dritt tagħhom, għadhom jistennew sentenza li ilha pendenti għal aktar minn tliet snin. Il-proċeduri kienu eżawriti min-naħa tat-Tribunal Industrijali, iżda baqgħet ma ngħatatx data għas-sentenza. Għalhekk, wara dan iż-żmien kollu, kemm il-UĦM kif ukoll il-ħaddiema qed jitolbu lill-Qorti tordna ħlas f’danni favur tagħhom għat-tbatija li ġarrbu tul dawn is-snin.
Minkejja li l-kawża ġiet differita għas-sentenza, din baqgħet ma ngħatatx mhux biss għad-detriment tal-partijiet, iżda wkoll b’nuqqas ta’ ġustizzja. Ir-Rikors Kostituzzjonali sar mill-UĦM kontra l-Ministru għad-Djalogu Soċjali, l-Affarijiet tal-Konsumatur u l-Libertajiet Ċivili, id-Direttur tax-Xogħol u s-Segretarju għat-Tribunal Industrijali. Fl-2009, il-UĦM irreġistrat Tilwima Industrijali kontra l-Malta International Airport (MIA) biex il-union tikkawtela l-pożizzjoni ta’ numru ta’ ħaddiema membri tagħha li jaħdmu fil-pożizzjoni ta’ Meteoroloġisti fi ħdan l-MIA.
Is-seduti għat-Tilwima kienu nstemgħu quddiem Tribunal Industrijali kompost mill-Avukat Leslie Cuschieri bħala Chairperson flimkien ma’ Charles Magro u Joseph Farrugia bħala membri magħżula. Fir-Rikors, il-UĦM qalet li mill-proċesswali jirriżulta li hi minn dejjem qagħdet għal kull ordni tat-Tribunal biex tidher quddiemu. Fis-seduti, it-Tribunal kellu l-opportunità kollha li jisma’ l-verżjoni tal-fatti u l-provi kollha hekk kif ġew ippreżentati quddiemu mill-partijiet biex jissostanzjaw il-pożizzjoni tagħhom.
Wara s-sottomissjonijiet kollha relattivi għat-Tilwima, fid-29 ta’ Marzu 2011, it-Tribunal iddifferixxa t-Tilwima għad-deċiżjoni finali mingħajr ma appunta data għall-għoti tas-sentenza. Il-UĦM qalet li minkejja li diġà għaddew aktar minn tliet snin mill-aħħar seduta li saret, għadha qatt ma ġiet appuntata data għall-għoti tad-deċiżjoni. Dan minkejja d-diversi tentattivi u sforzi mill-UĦM biex tingħata raġuni għal dan id-dewmien fl-għoti tad-deċiżjoni, inkluż anke Rikors li kien sar f’Settembru 2013 u Protest Ġudizzjarju fid-29 ta’ Jannar 2014.
Ir-Rikors jgħid ukoll li minkejja l-isforzi kollha tal-UĦM, din baqgħet mingħajr risposta, bil-konsegwenza li t-talbiet tal-union u tal-membri tagħha konċernati baqgħu qatt ma ġew indirizzati. Dan id-dewmien esaġerat u irraġjonevoli wassal biex ġew mittiefsa d-drittijiet fundamentali għal smigħ xieraq fi żmien raġjonevoli, hekk kif jgħid l-Artiklu 39 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta u l-Artiklu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem. Il-UĦM u l-ħaddiema qalu li m’għandhom l-ebda rimedju effettiv ieħor, għajr li jitolbu l-protezzjoni u r-rimedju tal-Qorti kontra dan id-dewmien eċċessiv min-naħa tat-Tribunal Industrijali.
Għaldaqstant, il-UĦM qed titlob li l-Qorti Kostituzzjonali tagħti dawk ir-rimedji li jidhrilha effettivi u opportuni fiċ-ċirkostanzi. Qed jintalab mhux biss kumpens konsistenti f’danni materjali, iżda wkoll danni morali għall-vjolazzjoni li saret. Ir-Rikors kien iffirmat mill-Avukati Ian Spiteri Bailey u Andrew Grima.
//= $special ?>