Wara li l-Pulizija lbieraħ arrestat żewġt irġiel li qabdithom fil-fatt ħerġin minn residenza li kienu għadhom kemm serqu minnha, Josef Buttigieg ta’ 34 sena minn Birkirkara, magħruf bħala “Il-Qasba”, ammetta l-akkużi li kien wieħed mill-ħallelin. Hu ġie kkundannat sentejn ħabs u tilef l-€4,000 fi pleġġ li kellu fuq każijiet oħrajn.
Min-naħa tiegħu, Francis Formosa ta’ 43 sena, imlaqqam “Putatti” u hu wkoll minn Birkirkara, m’ammettiex l-akkużi kontrieh. It-talba tiegħu għal-libertà proviżorja kienet miċħuda mill-Maġistrat Audrey Demicoli minħabba nuqqas ta’ affidabbiltà. Il-każ seħħ ilbieraħ għall-ħabta ta’ 12pm fil-Mellieħa għad-dannu ta’ Carmen Van Der Weerden, ta’ 69 sena, li dak il-ħin ma kinitx id-dar.
Kien membru tal-Korp tal-Pulizija li nnuta affarijiet mhux tas-soltu u anke għaraf lill-akkużati, li huma magħrufin sew mal-Pulizija. L-irġiel dehru ħerġin mir-residenza billi qabżu ħajt li jagħti għal Triq Earl Newton. L-ammont ta’ deheb kien wieħed kbir, li jaqbeż €2,333. Buttigieg waħdu ammetta li kiser il-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja wara erba’ każijiet li nstemgħu quddiem erba’ Maġistrati differenti.
L-Ispetturi Maurice Curmi u Arthur Mercieca ressqu lill-irġiel, li għalihom deher l-Avukat Anthony Stellini.
//= $special ?>
