B’referenza għal White Paper dwar riforma tal-liġijiet dwar id-droga li ħareġ il-Gvern, l-Arċisqof Pawlu Cremona qal li fost il-prinċipji li jridu jkunu mħarsa hemm li d-droga hija ħażina mhux għax kienet illegali, iżda hi llegali għaliex għandha effetti żziena fuq dawk li jeħduha.
F’messaġġ tal-Arċisqof fl-okkażjoni tal-Lejla ta’ Solidarjeta` ta’ Caritas Malta li saret f’San Blas il-bieraħ filgħaxija, l-Arċisqof fakkar li l-Knisja f’pajjiżna permezz tal-Caritas kienet pijuniera fil-ġlieda kontra d-droga u kienet pijuniera fir-rijabiltazzjoni tal-persuni li kienu jieħdu d-droga.
L-Arċisqof qal li jrid jibqa jkun hemm inċentivi biex il-vittmi joħorġu mill-vizzju tad-droga. Hu qal li l-periklu hu li għaliex il-kannabis mhux se twassal għall-Qorti, xi wħud jinsew l-effetti ħżiena li jibqa jkollha fuq min jeħodha. ‘Id-droga hi ħażina għax għanda effetti ħżiena’ – l-Arċisqof Pawlu Cremona
Hu fakkar li fl-Istati Uniti sar studju fuq il-kannabis u nstab li żdied l-użu tagħha minn mindu din saret legali u r-raġuni hi li qed jinsew l-effetti tagħha. L-Arċisqof qal li prinċipji oħra li jridu jkunu mħarsa huma li waqt li jiġu aġevolta l-vittmi tad-droga, trid tkompli u tiżdied il-ġlieda kontra t-traffikanti tad-droga għaliex xorta se jibqa suq għaliha. Iridu jkomplu jsiru kampanji fuq l-effetti tad-drogi kollha, anke fl-iskejjel.
Hu qal li anke jekk tinbidel is-sitwazzjoni preżenti, il-Knisja tibqa’ żżomm il-persuna fiċ-ċentru tal-missjoni tagħha u għalhekk tibqa toffri s-servizzi tagħha f’dan il-qasam. Sadattant, Monsinjur Karm Farrugia, l-Assistent Direttur ta’ Caritas Malta qal li 20 żagħżugħ u żagħżugħa issa temmew b’suċċess il-mixja ta’ rijabilitazzjoni mill-Caritas. Hu sellem lil Monsinjur Victor Grech li fl-aħħar 30 sena ħadem biex jonqos l-abbuż tad-droga.
Hu qal li s-sena li għaddiet Caritas Malta laqgħet 653 persuna fis-servizzi tagħha li juri żieda ta’ 26 fil-mija mis-sena 2004. Minn dawn 556 jew 85 fil-mija kienu irġiel u 97 jew 15 fil-mija kienu nisa. Ħafna drabi l-klijenti nisa jkunu għaddew minn esperjenzi ta’ ħsara fiżika, mentali u emmozzjonali kbira u għalhekk it-trattament ta’ rijabilitazzjoni magħhom jitlob aktar attenzjoni u perseveranza.
L-eta` l-aktar komuni ta’ dawk li talbu l-għajnuna kienet ta’ bejn is-27 u l-34 sena. Dan juri li kien hemm qabża ġmielha’ l-fuq fl-eta` ta’ dawk li talbu l-għajnuna. Fis-snin qabel l-2007, l-eta` l-aktar komuni kienet ta’ bejn id-19 u t-22 sena.
Jirriżulta li 39 fil-mija resqu lejn il-Caritas minn jeddhom u 33 fil-mija kienu mħajrin mill-familja. Il-bqija resqu għal raġunijiet varji. Fost dawn il-klijenti tal-Caritas kien hemm 40 fil-mija li jaħdmu, 48 fil-mija mingħajr impjieg, 7 fil-mija studenti u 5 fil-mija ma kinux f’qagħda li jistgħu jaħdmu. Monsinjur Karm Farrugia qal li fl-aħħar 10 snin kien hemm tnaqqis ta’ 25 fil-mija fl-użu tal-eroina u żieda ta’ 24 fil-mija fl-użu tal-kokaina. Hu qal li hu ta’ tħassib li qed togħla l-eta` ta’ dawk li jitolbu l-għajnuna.
Minn dawk li talbu l-għajnuna s-sena li għaddiet, il-parti kbira minnhom bdew jużaw l-eroina ta’ 14-il sena, il-kabnnabis ta’ 15-il sena u l-kokaina ta’ 16-il sena. Caritas Malta qed tipproponi li jitwaqqaf il-Qorti tad-Droga biex il-każi marbuta mad-droga jinstemgħu aktar malajr u jkun hemm sentenzi li jressqu lill-akkużat lejn il-kura li jeħtieġ.
Monsinjura Karm Farrugia appella lil oqsma kollha tas-soċjeta Maltija biex ma jibqgħux ikejlu biss il-progress tagħna bħala nazzjon fuq l-iżvilupp ekonomiku u xejriet liberali fl-imġiba. Hu qal li kull bniedem jeħtieġ ambjent fejn jista’ jitgħallem u japprezza u jħobb lilu nnifsu billi jkun responsabbli. Hu qal li jkun ferm perikoluż jekk wieħed jippretendi li l-persuna se titgħallem tgħix b’mod bilanċjat waħedha.
Is-sena li għaddiet Caritas Malta laqgħet 653 persuna fis-servizzi tagħha li juri żieda ta’ 26% mis-sena 2004.
//= $special ?>