Silvio Zammit ta’ 50 sena minn Tas-Sliema jinsab akkużat b’tixħim u li ipprova jinfluwenza deċiżjoni politika tal-Unjoni Ewropea fejn allegatament intalbet is-somma ta’ €60 miljun biex tiġi influwenzata d-direttiva tat-tabakk, id-difiża tappella lill-Avukat ġenerali biex ma jinħeliex aktar fuq il-każ.
L-Avukat Edward Gatt, li flimkien mal-Avukat Kris Busietta qed jidher għal Silvio Zammit appella lill-Avukat ġenerali biex ma jkompliex jinħela aktar ħin f’dan il-każ. Dan l-appell sar meta kompliet il-kumpilazzjoni ta’ Zammit quddiem il-Maġistrat Anthony Vella.
L-Avukat Gatt qal li l-uffiċjali investigaturi, l-ex Kummissarju John Rizzo, l-Assistant Kummissarju Michael Cassar, li llum huwa wkoll Kap tas-Servizzi Sigrieti u l-Ispettur Anġlu Gafa kienu għamluha ċara li l-investigazzjoni tagħhom hija seperata minn dik tal-OLAF u li dawn qegħdin jirrifjutaw jiġu jixhdu f’Malta.
Huwa qal li ma jistax jifhem għaliex il-Prosekuzzjoni qed tkompli tinsisti biex l-uffiċjali tal-OLAF jiġu jixhdu meta dawn ma jridux. Qal li l-istess investigaturi Maltin irrifjutaw aċċess għar-rapport tal-OLAF, minħabba li skont huma stess dan ma kienx relatat mal-każ ta’ Silvio Zammit.
Il-Kap tal-OLAF Giovanni Kessler kien wieħed minn dawk li ntalab jixhed fil-Qrati Maltin u fil-Kumitat tal-Privileġġi tal-Parlament, u li iżda l-istess Kessler kien informa lill-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia, li mhux ġej Malta biex jixhed. Qal ukoll li l-ex Kummissarju John Dalli wassallu l-messaġġ permess ta’ sors li jiġi arrestata kemm il-darba jiġi Malta.
Sadanittant l-Avukat Kenneth Grima, li l-ġimgħa l-oħra ppreżenta rikors fil-Qorti fejn qal li huwa ma kienx se jattendi peress li kien imsiefer qal li huwa xtaq jiċċara l-fatt li kontra kull rapport li deheru fix-xandir, huwa mhuwiex l-Avukat ta’ Swedish Match, imma l-Avukat tal-ESTOC, li hija l-organiżazzjoni li taħta jaqgħu l-kumpaniji tat-tabakk, kif hija l-OPEC fil-każ tal-kumpaniji taż-żejt.
L-Avukat Grima qal ukoll li madankollu kienu ikkuntatjat minn Swedish Match fejn dawn staqsewh jekk humiex obbligati li jiġu jixhdu Malta fid-dawl li tax ix-xhieda tagħhom diversi drabi. Dawn qalulu wkoll li jekk huma se jintalbu jixhdu, jixtiequ permezz tal-“video conferencing” jew ittri rogatorji.
Minn naħa tiegħu l-Maġistrat Anthony Vella qal li l-każ ilu għaddej minn Diċembru tal-2012 u qabel mat-talba biex jekk hemm bżonn ix-xhieda tinstema’ bil-“video conferencing”. Il-kawża ġiet differita’ għad-9 ta’ Ottubru li ġej.
//= $special ?>