Lokali Saħħa

Aktar nies qrib Chris Fearne ikomplu jinħatru fil-qasam tas-Saħħa

Il-qasam tas-saħħa qed ikompli jkun fil-mira ta’ ħatriet għal tal-qalba, speċjalment għal nies qrib is-Segretarju Parlamentari Chris Fearne. Fearne ħa f’idejh dan il-qasam wara li Godfrey Farrugia tneħħa minn Ministru tas-Saħħa fir-reshuffle tal-Kabinett, biex is-Saħħa għaddiet taħt Ministeru ġdid, flimkien mal-Enerġija, immexxi minn Konrad Mizzi b’Fearne Segretarju Parlamentari taħtu.

Fl-aħħar żviluppi, MaltaRightNow.com għandu l-konferma li fil-kariga ta’ Chief of Staff fis-Segretarjat ta’ Fearne għadha kif inħatret Emeline Fenech. Din tiġi t-tifla tal-Viċi Sindku Laburista ta’ Ħaż Żebbuġ Thomas Agius u diġà tokkupa kariga għolja oħra fil-qasam tas-Saħħa bħala l-Kap tar-Riżorsi Umani fl-Isptar Mater Dei.

B’hekk, Emeline Fenech ukoll issa qed tiekol b’żewġt iħluq b’din it-tieni kariga li ngħatat mill-Gvern Laburista. F’Ottubru 2013, il-Gvern Laburista ħatarha Direttur tar-Riżorsi Umani u l-Amministrazzjoni tal-Isptar, f’ħatr li saret mingħajr l-ebda sejħa pubblika għall-applikazzjonijiet. Min din il-kariga, hi ddaħħal €38,000 fis-sena flimkien ma’ numru ta’ perkaċċi u allowances oħrajn.

Mhux maghruf x’se jkun is-salarju li Fenech se tingħata bħala Chief of Staff, kif ukoll jekk hux se tibqa’ żżomm iż-żewġ karigi f’daqqa. Sorsi fl-Isptar qalulna li sal-lum hi għadha tmexxi d-Dipartiment tar-Riżorsi Umani. Barra minhekk, meta Fenech inħatret biex tkun inkarigata mir-riżorsi umani ta’ Mater Dei, fi ftit jiem il-Gvern Laburista kien ivvinta wkoll kariga ġdida għal missierha. Fil-fatt, Thomas Agius kien inħatar bħala Employee Liason Officer fl-Isptar, li hi kariga li skont rapporti nħolqot apposta għalih.

*Dawn l-aħħar żviluppi jsegwu dawk li MaltaRightNow.com żvela t-Tnejn li għadda b’ħatriet oħrajn bi stil ta’ musical chairs li għamel Chris Fearne fl-Isptar Mater Dei.*