Lokali

Aġġornata b’aktar dettalji u filmat: Argument bejn żewġt irġiel ta’ nazzjonalità barranija fl-Iskola Marija Reġina

Argument bejn żewġt irġiel ta’ nazzjonalità barranija wassal biex wieħed mill-persuni ttieħed l-Isptar Mater Dei għall-kura. Jirriżulta li l-argument seħħ ftit qabel is-2pm bejn ħaddiem ta’ karnaġġjon sewda u ieħor ta’ nazzjonalità Libjana li kienu qed jagħmlu xi xogħol fl-Iskola Marija Reġina, fi Blata l-Bajda. Għadu mhux magħruf x’wassal għall-argument.

Minn informazzjoni li għandu MaltaRightNow.com jirriżulta li wara l-argument, il-ħaddiem ta’ karnaġġjon sewda, li għandu 30 sena, ta daqqa ta’ xi għodda lil-Libjan, aktarx b’mazza. Fil-post issejħu Pulizija mill-iskwadra tar-Rapid Intervention Unit, li ħadu lir-raġel involut għal aktar investigazzjonijiet.

Fil-post wasal ukoll tim mediku mill-Isptar Mater Dei. Il-Libjan, li għandu 33 sena u hu residenti San Pawl il-Baħar, jidher li sofra biss feriti ħfief, tant li daħal fl-Ambulanza mingħajr għajnuna (ritratt). Wara li ġie mistoqsi mill-Pulizija dwar x’wassal għall-argument, ir-raġel ittieħed l-Isptar għal aktar kura.

Il-Pulizija qed tinvestiga l-każ.