Il-President tas-Sezzjoni Kunsillieri tal-Partit Laburista Mario Fava ħareġ jattakka qatta’ bla ħabel lill-Bord tal-Governanza tal-Kunsilli Lokali u għamilha ċara li m’għandux fiduċja fit-tmexxija ta’ dan il-Bord, li sab lis-Sindku Laburista ta’ Ħaż-Żabbar Quinton Scerri u lill-Kunsill Lokali b’maġġoranza Laburista li kien imexxi ħati ta’ numru ta’ irregolaritajiet. Din id-deċiżjoni wasslet biex Scerri rriżenja mill-Kunsill Lokali.
Fuq Facebook Mario Fava, li kien hu stess li talab li s-sitwazzjoni fil-Kunsill b’maġġoranza Laburista tiġi investigata, għamilha ċara li ma jaqbel xejn mal-mod kif il-Bord wasal ghall-konklużjonijiet tieghu. “Il-Bord tal-Governanza, ir-remit tiegħu hu li jinvestiga u jagħti konklużjonijiet u mhux ikisser persuni”, kiteb Fava. Dan għax, skont hu, il-Bord ħareġ ħafna konklużjonijiet li ma kellhom x’jaqsmu xejn mal-allegazzjonijiet inizjali li fuqhom saret it-talba. Qal li min jiżbalja m’għandux jiġi mżeblah.
Minkejja li MaltaRightNow.com jinsab infurmat li l-amministrazzjoni Laburista qablet ma’ dan il-pass ta’ Fava, f’daqqa waħda, wara li ħarġet id-deċiżjoni, esponenti ewlenin Laburisti ħarġu jattakkaw lill-Bord stess, li kien twaqqaf b’membri maħtura mill-Partit Laburista nnifsu.
Sadanittant, anke l-President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali Marc Sant infexx f’attakk kontra dan il-Bord, meta f’post fuq Facebook qal li hemm bżonn li llum qabel għada naraw li ssir ġustizzja ma’ min jaħseb li sar xi ħaġa u hu ‘l fuq mil-Liġi. Hu għamilha ċara li fil-kumment tiegħu mhux qed jirreferi għal Quinton Scerri. Fil-kummenti taħt dan il-post, Sant qal li qed jitkellem b’mod speċifiku ħafna għax “hemm qarnita li qed tagħmel ħafna u ħafna ħsara meta din il-qarnita stess għandha ħafna xi xxomm taħt idejha”.
Jidher li anke Marc Sant tilef il-fiduċja tiegħu f’dan il-Bord, li fl-aħħar jiem ma tahx raġun f’każ ieħor, din id-darba dwar il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Lija. F’dan il-każ, hu kien qed jilmenta li qed jinbidlu mingħajr approvazzjoni d-dati tal-laqgħat tal-Kunsill u li fil-Minuti tal-laqgħat kienu qed jitniżżlu affarijiet li ma ntqalux, filwaqt li ma jitniżżlux affarijiet li jkunu ntqalu.
Jidher li l-mira ewlenija ta’ dawn l-attakki hu l-eks Uffiċjal tal-GWU Ronnie Pellegrini, li meta l-PL kien fl-Oppożizzjoni kien inkarigat mill-Kunsilli Lokali u kien il-Gvern Laburista stess li ħatru fuq il-Bord tal-Governanza Lokali. Fir-rapport tal-Bord, l-eks Sindku Laburista Quinton Scerri talab biex Pellegrini jkun rikużat u ma jibqax jisma’ iżjed dan il-każ. Madankollu, Scerri kien naqas milli jgħid għaliex talab dan. Hu kien allega wkoll li kien Pellegrini li nstiga l-każ kontrih. Dan wassal biex il-Bord jitlob lix-xhieda kollha ħalli jagħmlu dikjarazzjoni jekk Pellegrini kienx avviċinahom, iżda huma ċaħdu lkoll.
Fi status li Quinton Scerri kiteb wara li ħareġ il-verdett tal-Bord, għamel riferenza ċara għal Ronnie Pellegrini u wiegħed li se jaħdem “bla waqfien biex f’pajjiżna tispiċċa darba għal dejjem il-politika militanti tas-snin 80, li dan ir-rapport jikkonferma li wħud għadhom iħaddnu sabiex ikissru lil dak u lill-ieħor”. Quinton Scerri kiteb ukoll li bħalissa qed jieħu l-pariri legali kollha biex jieħu kull azzjoni legali kontra min, skont hu, ipprova jħammgu u jinsulta l-vot qawwi u r-rieda ġenwina tal-poplu Żabbari.
Min-naħa tagħhom, il-Prim Ministru Joseph Muscat u d-Deputat Mexxej Laburista Tony Abela, li hu responsabbli mill-Kunsilli Laburisti, kienu ilhom minn Awwissu 2013 jippruvaw isolvu l-kwistjoni tal-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żabbar. Fil-fatt, il-Kunsillieri Laburisti f’din il-lokalità ma ressqux vot ta’ sfiduċja għax Muscat innifsu kien wiegħedhom li se jieħu azzjoni hu. Madankollu dan l-attentat falla.
//= $special ?>